Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Carmel Cacopardo elett ċerpersin tal-AD; jitlob diskussjoni dwar l-abort

Yendrick  Cioffi  -  16/09/17 04:11 PM

Carmel Cacopardo ġie elett  bħala Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret dalgħodu.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Ċerpersin, Carmel Cacopardo insista li hemm bżonn diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-abort għax fi kliemu dan hu l-minimu meħtieġ f’pajjiż li suppost li jirrispetta l-pluraliżmu etiku.

“Dan is-silenzju jeħtieġ li jieqaf immedjatament,” qal Cacopardo. “Id-diskussjoni pubblika teħtieġ li tibda immedjatament għax mhux fl-interess tal-pajjiż li nibqgħu naħarbu l-problemi.”

Cacopardo qal li huwa fatt magħruf li diversi Maltin qed isiefru għall-abort inkella qed iwettqu abort f’kundizzjonijiet xejn ideali f’Malta. Ikkwota statistika li tgħid li s-sena l-oħra, 58 mara/tfajla Maltija wettqu abort fl-Ingilterra.

Qal li dan kollu jfisser li  l-abort qiegħed fostna u hemm għadd ta’ Maltin li minkejja kollox għamlu u għadhom qed jagħmlu din l-għażla. Saħaq li l-Parlament taż-Żgħażagħ għandu raġun li jitlob diskussjoni.

Fid-diskors, Cacopardo qal li waqt li “ħaddieħor hu preokkupat bl-imsieħba fil-mażunerija u fil-kontijiet kurrenti assoċjati mal-briedel,” l-Alternattiva jeħtieġ tibqa’ ffukkata biex issaħħaħ il-kapaċità organizzattiva tal-partit tagħna.

Carmel Cacopardo qal li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn l-AD ma ġabitx ir-riżultat li xtaqet, kienet il-kapaċità organizzattiva ħafna.

Kien hawn li ċ-Ċerpersin saħaq dwar il-bżonn li l-Alternattiva tissaħħaħ, iżżid il-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali, tagħti iżjed attenzjoni lill-attiviżmu politiku, tkun preżenti f’kull lokalità f’Malta u Għawdex u li l-aġenda tagħha tkun favur “in-nies bla vuċi.”

Saħaq li l-impenn ta’ kull politiku għandha tkun il-ġlieda kontra kull xorta ta’ ħmieġ. “Il-politika nadifa ma taqax mis-sema,” saħaq Cacopardo.

Huwa rrefera għal dak li seħħ qabel l-elezzjoni u faħħar id-deċiżjoni tal-AD li ma saritx parti mill-Forza Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni.

Fi kliemu, dan sar b’differenti għal min “għażel li jinsa kollox u b’mod Makkjavelljan ipprefera jiffoka fuq il-gwadann immedjat u fl-istess ħin jagħlaq għajnejh għal dak li kien qiegħed jiġri madwaru”.

Cacopardo qal li l-Alternattiva żammet soda għax ma kienx aċċettabbli li “qisu ma ġara xejn” meta sar magħruf li l-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami għamel żmien Direttur tal-kumpanija Capital One li kienet investigata fuq ħasil ta’ flus suspettati li ġew mid-droga u li l-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco innegozja mal-Gvern għan-nom tal-klijenti tiegħu meta xogħlu hu li fil-Parlament jagħrbel dak li jkun qiegħed jagħmel il-Gvern.

“Kif tista’ tkun kredibbli meta tifforma alleanza favur il-governanza tajba ma’ dawn in-nies?,” saħaq Cacopardo.

Apparti Cacopardo, ġew eletti dawn il-membri:

  • Mario Mallia: Deputat Chairperson
  • Ralph Cassar: Segretarju Ġenerali
  • Anna Azzopardi: Deputat Segretarju Ġenerali
  • Luke Caruana: PRO
  • Danika Formosa: Segretarju Internazzjonali
  • Simon Galea: Teżorier
  • Marc'Andrea Cassar u James Gabarretta: Membri

Mal-Eżekuttiv jingħaqdu żewġ rappreżentanti nnominati minn ADŻ - Green Youth

Wara emenda fl-istatut, Ċerpersins preċedenti, il-Prof. Arnold Cassola u Dr Harry Vassallo, huma wkoll membri tal-Eżekuttiv