Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

Għaliex ma ħax b'id Delia?

Matthew Borg  -  17/09/17 07:05 PM

Filwaqt li qal li l-futur tiegħu huwa fil-Partit Nazzjonalista, li ilu jaħdem fl-interess tiegħu minn mindu kellu 16-il sena, Dr Karol Aquilina, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN, spjega ma’ Newsbook.com.mt għaliex ma ħax b’id Adrian Delia, illum Kap Nazzjonalista.

Ma’ Newsbook.com.mt Dr Aquilina qal li waqt il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN nhar il-Ġimgħa, ma ħax b’id Delia, għax għadu qed jistenna apoloġija pubblika mingħandu. Hu mifhum ukoll li xħin Delia tawwal idu biex jieħu b’id Aquilina, dan tal-aħħar qallu “No,no”.

Dr Aquilina stqarr li lil Dr Delia, bil-kalma kollha mill-ewwel spjegalu għaliex ma kienx f’pożizzjoni li jeħodlu b’idejh, minħabba dak li qal fil-konfront tiegħu waqt il-kampanja tiegħu, fejn attakkah b’mod personali u b’ton aggressiv.

Irrimarka li hu jirrifjuta li jkun persuna ipokrita, u li dak li jħoss u jemmen, jgħidu bl-aktar mod ċar u mingħajr ebda biża’.

Sostna li bħala President tal-Kunsill Amministrattiv, irid jieħu deċiżjonijiet iebsa li jkunu fl-interess tal-partit u li minħabba f’hekk ħafna drabi jidher ikrah.

Saħaq li m’għandu ebda diffikultà jitkellem fuq dan kollu ma’ Dr Delia.

Il-Kunsill Amministrattiv, li tiegħu Aquilina hu president, kellu f’idejh id-deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-PN.

Fost l-oħrajn, ftit jiem wara l-allegazzjonijiet tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq Adrian Delia, il-Kunsill kien ħa vot, li skont Aquilina kien unanimu, li jagħti parir lil Delia biex jirrikunsidra l-kandidatura tiegħu għal Kap tal-PN.

Madankollu, mhux kulħadd jaqbel li kien hemm vot unanimu dwar dan, fosthom l-editur ta’ The Malta Independent, Pierre Portelli.