Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

X'raw sabiħ u ikrah f'Delia?

Matthew Borg  -  17/09/17 04:18 PM

Adrian Delia kien għadu kif inħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, iżda l-kummenti minn politiċi u persuni influwenti oħra kienu diġà bdew jinkitbu u jitberrħu fuq il-mezzi soċjali, kemm mill-kamp Nazzjonalista, kif ukoll minn dak Laburista, u mhux kollha kienu qed jawgurawlu...

L-Avukat David Griscti, li ssapportja fil-miftuħ lil Chris Said fit-tellieqa, kiteb fuq FB li issa skont kif inhu mistenni, ikollu jifraħ lil Delia.

Minkejja dan, jenfasizza li kważi 48% tat-tesserati ma vvutawx lil Delia, u dan ifisser li r-rettorika ta’ Delia dwar l-establishment u l-Mod Ġdid ma ġewx milqugħa totalment.

Griscti jidhirlu li t-tesserati vvutaw lil Delia biex jgħaddulu dan il-messaġġ, kif ikkwotat mill-post, “Tajniek iċ-ċans, imma jekk tilgħab bih b’rasek idur!”.

Għallinqas, jispiċċa b’ton pożittiv meta jawgura lil Delia.

Il-Perit Laburista, Robert Musumeci, reħielha sewwa fuq FB, fejn fil-ħafna posts tiegħu iwissi lil Delia li l-għadu tiegħu mhuwiex Said jew il-PL, iżda l-klikka ta’ dawk li jsejħilhom “attivisti tas-soċjetà ċivili” li taħseb li hi aktar qaddisa mill-qaddisin, u li għadha hemm, flimkien ma’ Daphne Caruana Galizia.

Musumeci jtenni kemm-il darba li biex Delia juri li hu differenti minn ta’ qablu, jaċċetta l-istedina tal-PM Joseph Muscat għal laqgħa bejniethom dwar il-kumitat tekniku għall-ġestjoni tal-iskart f’Malta.

Il-perit isostni li b’hekk biss jifferoċja lil ta’ kontrih, u jiżolahom. Jitlob lill-establishment Nazzjonalist biex ma jimminawx lil Delia, u jbaxxu rashom.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Edwin Vassallo, qal li jbaxxi rasu għall-vot tal-poplu, għalkemm xtaq li rebaħ Said.

Madankollu jgħaddi kumment li Delia dwieh mal-erba’ rjiħat fil-kampanja. Vassallo jikteb, “għamilna wisq żmien nitkellmu fuqna nfusna ,iżda issa wassal iż-żmien li nħarsu lejn il-poplu tagħna.

L-eks-Kap Nazzjonalist, Simon Busuttil, fi tweet imbagħad kiteb li Delia issa għandu d-dmir li jispiċċa dak li beda hu, stqarrija li tikkuntrasta mal-Mod Ġdid ta’ Delia.

L-istess tweet ta’ Busuttil li Karol Aquilina, il-President tal-Kunsill Amministrattiv li ħa l-vot biex Delia jikkunsidra l-kandidatura tiegħu, ittwitja, mingħajr kummenti personali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Gvern, Kurt Farrugia, tenna dak li qal ġimagħtejn ilu, meta ddeskriva lil Delia bħala sleazy, li tfisser immorali, maħmuġ u diżonest, kif ukoll korrott.

U jidher li hawn qablet miegħu il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li fi tweġiba lil wieħed minn dawk li jsegwuha, qalet li mhix se tivvota aktar lill-PN għax skontha, b’Delia se jkun hemm kompetizzjoni ma’ Muscat dwar min hu l-aktar sleazy u korrott.

Ma naqasx ix-xebh ta’ Delia għall-mod kif jitkellem ma’ nies fil-PL.

Fosthom l-eks-Ċerpersin tal-Alternattiva, Arnold Cassola, qabbel lill-Kap Nazzjonalista ma’ Duminku Mintoff. Għal Cassola, Delia mhux jitkellem imma jinbaħ, u għandu stil macho ta’ konverżazzjoni.

Min-naħa tagħha, l-eks-Kap tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, qalet li l-għażla kienet bejn min kien se jagħmel lill-PN rebbieħ, skontha Said, u min se jkompli jifirdu, skontha Delia.

Dwar kummenti bħal dawn, Cassola lbieraħ fuq FB irrimarka li din li sippost hi kap ta’ partit ieħor, jaraha stramba li tikteb b’mod daqstant imqanqal għal partit ieħor.

Sadanittant, dalgħodu Farrugia jidher li issa ddistingwiet bejn il-PD u l-PN, u qalet li t-tesserati tal-PN għażlu t-triq tal-partit tagħhom, iżda l-PD jibqa’ jagħżel lil Malta.

Deborah Schembri wkoll qabblet lil Delia ma’ Muscat għall-mod kif tkellem fl-ewwel intervent tiegħu xħin inħatar, u filwaqt li awguratlu, irrimarkat li meta tikkopja lil xi ħadd tkun qed tgħid li hu tajjeb indirettament.