Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

“Diġà offrejt li nċedi s-siġġu” - Hermann Schiavone

Charmaine  Attard   -  21/09/17 05:50 PM

Hermann Schiavone, il-Membru Parlamentari ġdid u sostenitur kbir tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, ikkonferma fuq Facebook li hu diġà offra li jċedi s-siġġu tiegħu lil Delia. Iżda nhar it-Tlieta – 48 siegħa ilu - ma’ Newsbook.com.mt, Hermann Schiavone qal li kien għadu kmieni wisq biex jiddeċiedi.

Noel Galea, kandidat ieħor mill-ħames distrett, kiteb ukoll fuq Facebook, li jingħaqad ma’ Schiavone f’dik li huwa ddeskriva bħala ’l-għażla libera tiegħu’. Galea żied jgħid li bħala kandidat tal-PN, ma jitfax in-nomina tiegħu, biex is-siġġu parlamentari jieħdu l-Kap Nazzjonalista. Fl-elezzjoni, Noel Galea ġab 80 vot, u jekk jikkontesta m’għandu l-ebda ċans li jitla’.


Newsbook.com.mt tkellem ma’ Norman Vella, il-kandidat bl-akbar ċans li jitla’, li qal li hu ma jikkummentax fuq affarijiet ipotetiċi.

Dawn il-kummenti qed isiru fil-kuntest tad-diskussjoni dwar kif Delia se jidħol fil-Parlament kemm jista’ jkun malajr, biex ikun jista’ jwieġeb għad-diskors tal-Baġit li se jsir fid-9 ta’ Ottubru.

Waqt il-kampanja għall-Kap tal-PN, Adrian Delia qal kemm-il darba li kellu pjan dwar kif se jidħol fil-Parlament.

S’issa dan il-pjan għadu ma ġiex żvelat. Kien hemm aspettativa li l-persuna li se ċċedilu postu titħabbar fil-festi tal-Indipendenza, peress li kien Delia stess li nhar il-Ħadd wera t-tama li jkun jista’ jagħmel hekk.

Dan ma sarx u mir-rapporti li ħarġu fil-midja jirriżulta li nies qrib Delia għamlu pressjoni fuq membri parlamentari Nazzjonalisti, li iżda rrifjutaw li jċedu posthom għal Delia. Irrefera għar-rapporti ta’ Newsbook.com.mt u qal li jrid jassigura lil kulħadd, li mhu qed issir l-ebda pressjoni fuqu.

Saħaq li l-frażi li l-partit hu akbar minn kull individwu, hu mhux biss jemminha, imma jipprattikaha f’kull ċirkostanza. “Jien dejjem emmint li s-siġġu li sellfuni l-kostitwenti tal-ħames distrett, mhux tiegħi imma tal-Partit Nazzjonalista, u m’għandi l-ebda problema li nagħtih lura lill-partit biex ikun co-opted il-Kap minfloki”, kompla jgħid Schiavone. Spjega li kif fil-każ tiegħu, ir-rotta għal Kap biex jidħol fil-Parlament, ma tiddependix biss minnu, imma wkoll minn sħabu l-kandidati mhux eletti fid-distrett, li wkoll iridu jkunu lesti li jċedu s-siġġu f’każ li jkunu eletti minfloku fl-elezzjoni każwali.

Temm jgħid, li bħal dejjem, hu dispost li jservi lill-partit u lill-Kap tiegħu, b’lealtà sħiħa fejn ikun meħtieġ.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Membru Parlamentari tal-PN, qal ma’ Newsbook.com.mt, li fost il-Grupp Parlamentari qed tikber l-għajta, li għandhom ikunu l-MPs li ħadmu favur Delia, li issa jċedulu posthom, iżda li ma tantx jidher entużjażmu fosthom li jagħmlu dan.