Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Muscat ħabbar is-siġġu wara 3 xhur; Delia lanqas ilu ġimgħa

Charmaine  Attard   -  21/09/17 01:54 PM

Minkejja li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wera x-xewqa li fil-festi tal-Indipendenza jgħid kif se jidħol fil-Parlament, dan ma seħħx, għalkemm jidher li għaddejjin negozjati dwar min se jkun qed iċedilu s-siġġu. Adrian Delia ntgħażel bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri lanqas ilu ġimgħa fil-kariga.

Dan id-dewmien huwa eku ta’ dak li ġara f’Ġunju tal-2008 meta Joseph Muscat intgħażel bħala Mexxej tal-Partit Laburista.

Ilbieraħ fuq Facebook, l-eksdeputat Laburista Joseph Cuschieri qal li hu u Dr Muscat ftehmu dwar is-siġġu Parlamentari f’temp ta’ ħames minuti, mingħajr kundizzjonijiet u sa minn ġranet qabel Muscat ħabbar pubblikament l-intenzjonijiet tiegħu li jikkontesta għall-Mexxej tal-Partit. Żied jgħid li Muscat kien qallu li ma jridx iħabbar li se jikkontesta qabel ma jkollu assigurazzjoni ta’ siġġu fil-Parlament.

Madanakollu, dak iż-żmien, tħabbar min kien se jċedi s-siġġu għal Joseph Muscat, proprjament fl-ewwel jum tal-Parlament wara l-waqfa għas-sajf, jiġifieri tliet xhur wara li sar Mexxej.

Dan għamel referenza għalih ukoll, l-MP ġdid Nazzjonalista Jean Pierre Debono, li kien wieħed minn dawk li fil-kampanja għall-Kap, appoġġjaw bil-qawwa lil Adrian Delia.

Mat-Times of Malta, Debono qal li Joseph Muscat affaċċja l-istess diffikultà meta sar Mexxej Laburista fl-2008. Aċċenna wkoll għall-fatt li dam tliet xhur ma tħabbar li Cuschieri ċedielu s-siġġu.  

Fl-aħħar jiem, Newsbook.com.mt ċempel u kiteb lill-MPs b’appoġġ sħiħ għal Delia, dwar jekk hux qed jikkunsidraw iċedu s-siġġu huma. Madanakollu, kemm Jean Pierre Debono kif ukoll martu, l-MP Kristy Debono ma weġbux.  Mat-Times, il-koppja Membri Parlamentari, qalu li għadu kmieni wisq biex jikkomunikaw l-intenzjonijiet tagħhom.

Min-naħa tiegħu, Hermann Schiavone, li issa jidher li l-pressjoni qed iddur fuqu, nhar it-Tlieta qal ma’ Newsbook.com.mt li għadu kmieni biex jiddeċiedi.  Madanakollu, jekk iċedi Schiavone, issir by-election, bl-ikbar ċans li jitla’ jkun Norman Vella. B’hekk imbagħad il-ballun ikun f’saqajh.

Fi tweġiba twila lil Newsbook.com.mt, Clyde Puli, li wkoll kien wieħed mis-sostenituri ta’ Delia, ma qalx jekk hux lest iċedi s-siġġu lill-Kap. Qal li d-deċiżjoni, m’għandhiex tibbaża ruħha fuq xewqat personali ta’ individwi, imma fuq dak li hu l-aħjar għall-partit. Fakkar fi kliem Adrian Delia, li “ħadd mhu ikbar mill-partit” u insista li hu l-partit li jiddeċiedi kull membru xi rwol għandu jaqdi, fl-aħjar interess tal-partit.

Ilbieraħ, il-Membri Parlamentari, sostenituri ta’ Adrian Delia, kollha kienu fuq il-palk waqt l-ewwel diskors tiegħu fil-mass meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana.

Ritratti: Ian Noel Pace - waqt il-mass meeting tal-bieraħ fuq il-Fosos tal-Furjana