Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Filmat: Il-Pastor irid itella’ lil kulħadd il-Qorti

Yendrick  Cioffi  -  22/09/17 11:53 AM


Grupp ta’ nisa fuq Facebook se jressqu lment formali quddiem l-Awtorità tax-Xandir minħabba dak li sejħu kummenti sessisti “allarmanti” li ġew imxandra waqt il-programm Overcomers’ Chapel fuq l-istazzjon FLiving.

Minkejja dan, ma’ Newsbook.com.mt, Pastor Jide Jetson, li huwa responsabbli għall-programm u li kien ukoll preżenti, qal li ma kien hemm xejn kontroversjali fil-programm u li se jkun qed jieħu passi legali kontra min qed ixerred “l-informazzjoni l-ħażina.”

Waqt il-programm reliġjuż imtella’ mill-komunità Pentekostali ta’ “Destiny International Christian Assembly”, il-preżentatriċi tkellmet fuq “l-importanza” li mara ma tirrifjutax lir-raġel tagħha, “biex ma tagħtix lok li r-raġel tagħha jħares lejn nisa oħra.”

Il-preżentatriċi kompliet tgħid li l-att sesswali huwa bżonn għar-raġel, aktar milli hu għal mara, iżda saħqet li “l-mara għandha tkun hemm għal żewġha.” Temmet tgħid li jekk il-mara tagħmel dan, tkun qed tippreserva l-purità fiż-Żwieġ.

Fuq il-paġna Women fow Women, diversi persuni lmentaw li l-messaġġ li għaddiet il-preżentatriċi, fejn qisu l-mara għandha “dmir” li qatt ma tirrifjuta l-avvanzi tar-raġel, fid-dawl ta’ dak li l-mara ddeskriviet bħala l-“Kelma ta’  Alla,”  jista’ jkun perikoluż u faċilment jinfluwenza telespettaturi vulnerabbli.

Fost oħrajn issemmew każijiet dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza domestika u stupru fiż-żwieġ, fejn irġiel iħossuhom li għandhom dritt li jkollhom x’jaqsmu mal-mara, minkejja kollox.

“Il-kumment qed jinħareġ barra mill-kuntest” – Pastor Jide Jetson

Ikkuntatjat minn Newsbook.com.mt, Pastor Jide Jetson irrifjuta li jagħti kuntatt tal-preżentatriċi biex tkun tista’ twieġeb u tispjega aħjar x’riedet tgħid b’dawn il-kummenti.

Huwa insista li hu responsabbli mill-programm u li se jwieġeb hu, minkejja li ma ta ċans lill-ġurnalist jistaqsi xejn.

Qal illi li kieku kulħadd sema’ l-programm kollu, kien jinduna li l-kumment qiegħed jinħareġ barra mill-kuntest.

Pastor Jide Jetson, insista li l-programm tkellem dwar ir-relazzjoni ta’ bejn raġel u mara u kif koppja tista’ tieħu ħsieb iż-żwieġ. Saħaq li l-għan tal-programm kien li jħeġġeġ il-miżżewġin biex jieħdu ħsieb xulxin, jibżgħu għar-relazzjoni u ma jirrifjutawx lil xulxin.

Insista li hu ma jaqbel xejn mal-vjolenza domestika u ma jista’ qatt jiġġustifika l-istupru. Saħaq li hu u lanqas il-preżentatriċi ma qalu li l-mara għandha toqgħod għar-raġel f’kollox u insista li fejn ma hemmx imħabba, il-mara għandha tirrifjuta li jkollha x’taqsam mar-raġel.

Iżda huwa ma tax ċans lill-ġurnalist jistaqsi dwar kummenti oħra, fosthom x’riedet tfisser il-preżentatriċi meta qalet li l-mara ma għandhiex tirrifjuta lil żewġha biex dan ma jħarisx lejn nisa oħra.

“Kumment mhux aċċettabbli” – Dr Anna Borg

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Anna Borg, membru tal-konfederazzjoni Maltija tal-Għaqdiet tan-Nisa, qalet li ħadd ma jistenna li fuq it-televiżjoni llum jisma’ kumment bħal dan li ddeskrivitu bħala “mhux aċċettabbli.”

Għal kuntrarju ta’ dak li qalet il-preżentatriċi, fejn il-mara trid tkun suġġetta għar-raġel, Dr Anna Borg saħqet li ż-żwieġ għandu jkun mibni fuq ir-rispett reċiproku fejn ir-raġel u l-mara jirrispettaw il-bżonnijiet ta’ xuxlin.

Saħqet li fl-aħħar mill-aħħar,  jekk mara toqgħod għal kull ma jgħid ir-raġel, ma tkunx qed tgħid ħajjitha iżda qed tagħmel biss dak li qed jgħid ħaddieħor.

Insistiet li l-messaġġ li għandu jasal għand it-tfal subien u b-bniet huwa r-rispett reċiproku u mhux li qisu hemm ordni tan-natura fejn ir-raġel huwa l-prepotenti u l-mara s-suġġett.

Newsbook.com.mt qed jistenna tweġiba għal mistoqsijiet li bagħat lill-Awtorità tax-Xandir.