Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Awdjo: “Il-karozzi tal-elettriku mhux se jnaqqsu l-emissjonijiet” – Malta Automobile Club

Yendrick  Cioffi  -  24/09/17 04:20 PM

Il-Malta Automobile Club mhux jaqbel mal-pjan tal-Gvern biex fis-snin li ġejjin il-karozzi kollha li jidħlu f’Malta jkunu jaħdmu bl-elettriku.

Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru qal li dalwaqt se tinfetaħ konsultazzjoni biex fis-snin li ġejjin, il-karozzi kollha f’Malta jkunu jaħdmu bl-elettriku jew sorsi oħra nodfa.

Dwar dan, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Alfred Farrugia li insista li mhux minnu li l-karozzi tal-elettriku ma għandhomx emissjonijiet.

Spjega li biex dawn il-karozzi jkunu mmanifatturati, il-fabbriki qed iħallu warajhom emissjonijiet kbar. Apparti minn hekk qal li anke l-batteriji ta’ dawn il-karozzi, għandhom “problema enormi” meta tispiċċa l-ħajja tagħhom u jintremew.

Apparti minn hekk, insista li l-aktar li jarmu emissjonijiet fl-ajru huma l-vetturi kummerċjali, it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja u mhux il-vetturi tal-familja.

 “Il-poplu Malti ma għandux ikun imċaħħad milli jixtri l-karozzi li jrid hu”

Farrugia kkritika wkoll il-fatt li l-Prim Ministru qal li l-pjan tal-Gvern huwa li jispiċċaw minn Malta l-karozzi li jaħdmu bil-fjuwil.

Spjega li l-Malta Automobile Club huwa totalment kontra din il-proposta, u li l-Gvern għandu jħalli f’idejn il-konsumatur biex jagħżel hu x’karozza jixtri.

Insista li sakemm għadhom jiġu mmanifatturati, il-Gvern ma għandux iwaqqaf l-importazzjoni tagħhom, imma minflok jara li jinħoloq bilanċ.

 “Hemm ħafna miżuri x’jista’ jimplimenta issa”

Kompla jgħid li l-Prim Ministru għandu jaħdem fuq dawk il-proposti li jista’ jimplimenta huwa stess u mhux fuq proposti li jistgħu jiġu implimentati biss fi żmien imbiegħed.

Kien hawn li Alfred Farrugia saħaq li l-Gvern jista’ jieħu ħafna miżuri issa. Tkellem dwar “monopolju fuq il-bejgħ tal-fjuwil,” u staqsa għalfejn il-Gvern mhux jimxi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

“X’qed iżomm il-Gvern milli jbigħ il-fjuwil bl-Ethanol”

Spjega li l-petrol li hawn f’Malta ma għandux Ethanol u dan meta bis-saħħa tiegħu mhux biss jonqos il-prezz iżda jonqsu l-emissjonjiet.

Staqsa x’qed iżomm il-Gvern milli jbigħ il-fjuwil bl-Ethanol.

Temm jisħaq li hemm diversi miżuri li l-Gvern jista’ jatwa mil-lum għall-għada iżda minflok qed jaħdem fuq dak li jista’ jseħħ biss ħafna snin oħra.

Il-maġġoranza tal-qarrejja ta' Newsbook.com.mt jaqblu mal-pjan tal-Gvern

Fl-aħħar jiem, Newsbook.com.mt nieda poll jistaqsi jekk il-qarrejja jaqblux li f'Malta għandhom jibdew jidħlu biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku.

Sal-lum, jidher li l-maġġoranza jaqblu ma' din il-proposta.

52% qalu li jaqblu, 44% qalu li ma jaqblux u 4% ta' dawk li vvutaw qalu li għalihom ma tagħmilx differenza.

Għadek fiċ-ċans biex anke inti tivvota u tgħid tiegħek dwar din il-proposta.