Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

​Tikkarga l-ġirja għall-karigi fil-PN

Charmaine  Attard   -  25/09/17 05:36 PM

Wara li ssolviet il-problema dwar kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, jista’ jidħol fil-Parlament, issa l-attenzjoni u d-diskussjoni fil-PN hija dwar kif se jimtlew il-karigi l-oħra.

Min se jkunu l-Viċi Kapijiet?

Skont sorsi fil-PN, waqt laqgħa bejn Delia u Chris Said, tal-aħħar qal li huwa interessat fil-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, bil-kundizzjoni li ma jkunx kontestat kif ġara meta ntgħażel Mario Demarco. Said qal li mhux lest li jagħmel it-tielet kampanja elettorali f’sena waħda.

Din ħolqot problema, minħabba li David Agius u Kristy Debono, diġà kienu qalu li huma interessati. Mill-ewwel bdiet ħidma biex ibiddel fehemtu Robert Arrigo, li kien stqarr l-interess tiegħu fil-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u b’hekk jinħoloq spazju li jista’ jimtela minn xi ħadd pubblikament favur Delia.

Dawn it-tentattivi ma rnexxewx tant li llum fil-gazzetta Times of Malta, Robert Arrigo reġa’ tenna d-deċiżjoni tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit. Clyde Puli qal ukoll li huwa interessat fil-kariga.

Sadanittant David Agius qal ma’ The Malta Independent li huwa se jikkontesta għall-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, waqt li Kristy Debono qalet li tiddeċiedi tikkontestax jew le wara li titkellem mal-Kap tal-PN.

Jekk Said ma jkunx bħala parti mit-tmexxija tal-PN, allura l-isforzi biex il-PN jingħaqad jiddgħajfu ħafna.

Liema kariga se jikkontesta Jean Pierre Debono?

Il-mistoqsija fuq fomm kulhadd fil-PN hija għal liema kariga se jikkontesta Jean Pierre Debono. Huwa diġà qal li mhux se jikkontesta għall-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali. L-istess sorsi qalu li aktarx li diffiċli li jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali peress li l-favorit ta’ Delia kien Pierre Portelli u li Delia ma jkunx irid li żewġ sostenituri kbar tiegħu jkunu rivali għall-istess kariga.

Debono jista’ jitħajjar għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u jikkontesta lil Arrigo u Puli. Iżda issa Debono qed jiffaċċja laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv wara li l-Kummissjoni Elettorali ċanfritu minħabba li aċċetta li jiġbor id-dokument tal-vot għal għadd ta’ persuni mingħajr ma ċċekkja l-awtentiċità tal-firma fuq il-formula li permezz tagħha ntalab li jiġbor il-vot.

Sorsi qrib il-PN qalu ma’ Newsbook.com.mt illi l-Kunsill Amministrattiv mhux mistenni li jieħu passi aktar ebsin milli diġà ħadet il-Kummissjoni Elettorali li ċanfret lil Debono.

“L-elezzjoni ta’ Delia għandha tiġi ddikjarata nulla” – Caroline Galea

Ftit tas-sigħat ilu l-membru tal-Eżekuttiv Caroline Galea kitbet fuq Facebook illi l-elezzjoni ta’ Delia għandha tkun iddikjarata nulla minħabba li hemm dawk li hija iddeskriviet bħala allegazzjonijiet serji li sar tbagħbis fil-voti.

Is-sorsi tagħna qalulna li ma jafux fuq xiex Galea qed tibni din l-allegazzjoni, meta huwa magħruf li l-Kummissjoni Elettorali investigat il-każ u ħalliet il-proċess elettorali jibqa’ għaddej, għax ma kien hemm xejn x’juri li l-proċess elettorali huwa vvizzjat.

X’se tagħmel Anne Fenech?

Illum Newsbook.com.mt ikkuntattja wkoll lil Anne Fenech, li kkonfermat li mhi se tikkontesta għall-ebda kariga fil-PN. Newsbook.com.mt huwa infurmat illi Fenech lanqas se tibqa’ tmexxi l-Finance Team li kien responsabbli mir-ristrutturar tal-finanzi tal-PN.