Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Lego se tkeċċi 1,400 ruħ

Charmaine  Attard   -  09/09/17 01:27 PM

Id-ditta popolari Daniża Lego se tkeċċi 1,400 ruħ wara tnaqqis fil-bejgħ kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti. Dan huwa tnaqqis ta’ 8% tal-għadd totali ta’ ħaddiema li l-kumpanija għandha madwar id-dinja, hekk kif irreġistrat l-ewwel tnaqqis fid-dħul f’aktar minn 10 snin.

Din hija parti minn strateġija usa’ intiża biex tilqa’ għat-tnaqqis fil-bejgħ fl-aktar żewġ kontinenti importanti għal-Lego, l-Amerika u l-Ewropa.  Id-dħul ta’ Lego naqas b’5% fl-ewwel nofs tal-2017, għal 1.8 biljun sterlina. Il-profitt globali naqas bi 3% (543 miljun sterlina).

L-aktar prodotti mibjugħa fl-ewwel sitt xhur tas-sena kienu Lego City, Lego Friends, Lego Technic kif ukoll prodotti marbuta mal-film Lego Batman. Fir-Renju Unit, l-akbar suċċess kien marbut mas-sett tal-Millenium Falcon, li fiha 7,541 biċċa.

Fuq nota pożittiva għall-kumpanija, is-suq Ażjatiku qed jibda gradwalment ipatti għat-tnaqqis fil-Punent, b’żieda ta’ aktar minn 10% fis-suq Ċiniż fejn il-kumpanija tara li għandha potenzjal enormi biex tifrex in-negozju tagħha.

Fil-proġett ta’ ristrutturar tal-kumpanija, hu mifhum li fil-futur qarib il-Lego se tkompli tinvesti biex issib bilanċ aħjar bejn il-prodott oriġinali u tradizzjonali tagħha, kif ukoll l-użu tat-teknoloġija u l-aspett diġitali, bħall-użu tal-pjattaforma soċjali Lego Life.

Telf qawwi għal 888 Holdings

Il-kumpanija Brittanika tal-online gaming 888 Holdings irreġistrat telf ta’ 17-il miljun dollaru din is-sena, ċifra li kienet determinata b’mod partikolari minn numru ta’ multi imposti fuqha din is-sena.

Dawn jinkludu multa ta’ 10 miljuni mill-Kummissjoni dwar il-Logħob tal-Azzard fir-Renju Unit kif ukoll multa marbuta ma’ ħlas tat-taxxa fil-Ġermanja. Dawn kienu daqqa ta’ ħarta qawwija għal kumpanija li s-sena l-oħra rreġistrat kważi 28 miljun dollaru fi profitt.

Il-multa tar-regolatur Ingliż kienet marbuta mal-fatt li l-kumpanija nstabet ħatja li ħalliet mas-7,000 konsumatur li kienu għażlu li jeskludu lilhom infushom mill-każino elettroniku jew milli jilagħbu l-flus fuq l-isport u li rriżulta li setgħu xorta jaċċessaw ċertu partijiet mis-sit minħabba problemi tekniċi.

Madankollu, il-bqija tar-riżultati finanzjarji kienu pożittivi hekk kif l-imħatri sportivi kif ukoll il-każino elettroniku komplew jirreġistraw żieda fid-dħul.  B’kollox, id-dħul tal-kumpanija żdied għal 270 miljun dollaru fl-ewwel sitt xhur tas-sena, minn 262 miljun is-sena li għaddiet. Id-dħul mill-każini u l-imħatri sportivi kien l-akbar kontributur, bi tkabbir ta’ 11%.

L-akbar ekonomiji Afrikani jirkurpaw

L-akbar żewġ ekonomiji Afrikani qed juru sinjali inkoraġġanti ta’ rkupru ekonomiku. L-ekonomija Niġerjana qed terġa’ terfa’ rasha wara kważi sena u nofs  ta’ riċessjoni, filwaqt li l-Afrika t’Isfel ħarġet minn riċessjoni teknika fejn l-unika tkabbir is-sena li għaddiet kien purament marġinali.

Tagħrif ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika Niġerjan wera li l-ekonomija kibret b’0.55% fit-tieni kwart tal-2017. Filwaqt li dan huwa ammont żgħir, għal ħafna Niġerjani dan huwa sinjal ta’ tama li se jfisser bidla fir-rota ekonomika, wara li l-pajjiż esperjenza riċessjoni għall-ewwel darba f’20 sena. Dan wassal biex il-qgħad tela’ għal 14.2% sal-aħħar tal-2016.  Biex tkompli tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli, f’Ottubru li għadda l-linja tal-ajru Emirates naqset bosta titjiriet lejn in-Niġerija, filwaqt li United Airlines qatgħet it-titjiriet kollha.

Iżda fl-aħħar xhur, in-Niġerija bdiet tara bosta industriji lokali jirpiljaw, fuq quddiem dik tal-produzzjoni taż-żejt, li reġgħet lura fuq saqajha wara numru ta’ attakki minn milizjani fin-naħa t’isfel tal-pajjiż matul is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, il-kummerċ ħa spinta ‘l quddiem grazzi għal tnaqqis ta’ spejjeż u burokrazija fil-portijiet, kif ukoll tnaqqis fir-restrizzjonijiet marbuta mal-viżi.

Min-naħa tagħha l-kriżi fl-Afrika t’Isfel kienet aktar ta’ oriġini politika li affettwat l-ekonomija u li wasslet għal tnaqqis fil-credit rating f’April li għadda. Il-kummerċ u l-manifattura ħadu daqqa ta’ ħarta, u minkejja prestazzjoni tajba mis-settur finanzjarju, l-ekonomija ċkienet għal sitt xhur sħaħ. Il-qgħad sploda għall-għola livell ta’ dawn l-aħħar 14-il sena, f’livell ta’ kważi 28%.

Iżda l-Afrika t’Isfel ukoll qed tgħolli rasha, primarjament grazzi għas-settur agrikolu, li kiber b’aktar minn 22% fl-ewwel nofs ta’ din is-sena u prestazzjoni tajba wkoll mill-industrija tal-minjieri.

Ir-rendiment ta’ dawn l-akbar żewġ ekonomiji huwa pożittiv għall-imsieħba reġjonali tagħhom u aħbar pożittiva għal prospetti ta’ żvilupp fil-kontinent.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.