Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: YouTube jikkastiga vlogger famuż li xerred filmat ta’ raġel mgħallaq

Michela Catania  -  11/01/18 11:20 AM

Is-sit Amerikan YouTube, li llum il-ġurnata sar jintuża minn ħafna żgħażagħ biex ixerrdu filmati li jiddokumentaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom, magħrufin bħala vlogs, ikkastiga lil wieħed mill-iktar hekk imsejħa vloggers magħrufin tiegħu, Logan Paul, billi qata’ kull rabta kummerċjali li kellu miegħu.

Dan wara li Paul xerred filmat ta’ raġel mgħallaq ġewwa l-foresta Aokigahara fil-Ġappun, magħrufa għall-għadd ta’ nies li jżuruha kull sena biex jieħdu ħajjithom b’idejhom.

YouTube iddikjara li se jneħħi l-kont ta’ Paul mill-Programm Google Preferred, li hija sistema li tgħarraf lil kumpaniji li jixtiequ jbiegħu r-riklami tagħhom liema huma l-iktar filmati li jimxu.

YouTube stqarr ukoll li se jwaqqaf kull proġett li kien diġà beda maż-żagħżugħ Amerikan.

Paul, li xxerred il-filmat makabru fil-31 ta’ Diċembru, qala’ kritika qawwija mhux biss talli ġibed il-filmat iżda wkoll minħabba d-diżrispett li hu u sħabu wrew lejn il-mejjet u l-familja tiegħu, hekk kif qagħdu jiddieħku u jiċċajtaw kif waslu ħdejn il-kadavru.

Iż-żagħżugħ, li għandu iktar minn 15-il miljun segwaci, il-maġġoranza tagħhom tfal, skuża ruħu tal-aġir tiegħu u stqarr li ġibed il-filmat biex iqajjem kuxjenza dwar is-suwiċidju.

Paul temm iħabbar li għalissa mhux se jiġbed jew ixerred iktar filmati.