Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu, nintegraw"

Matthew Borg  -  12/01/18 04:47 PM

Il-Kummissjoni Emigranti għalqet 30 sena f’Malta, u hekk kif qed joqrob il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, dwiet il-messaġġ tal-Papa favur dawn il-persuni, miġbur f’4 verbi essenzjali, “nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw”.

Il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati jiġi ċċelebrat fl-14 ta’ Jannar, potgħada, u l-Kummissjoni Emigranti fi stqarrija fakkret li llum aktarx l-ikbar provi li għad għandna quddiemna jolqtu l-prinċipji tal-promozzjoni u l-integrazzjoni.

Il-Kummissjoni twaqqfet 30 sena ilu f’Malta bħala parti mill-ħidma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR).

Fl-istqarrija ntqal li għaddew ukoll 15-il sena mindu l-Maltin esperjenzaw l-ewwel mewġa ta’ persuni jaslu fi xtuthom bid-dgħajjes, ifittxu futur aħjar.

Il-Kummissjoni tiddeskrivi dan bħala l-bidu ta’ fenomenu li fetaħ il-bieb għal dik li probabbilment hija l-akbar sfida soċjali u kulturali li ħabbat wiċċu magħha pajjiżna għal ħafna żmien.

Irrimarkat li din il-mixja kellha s-sabiħ u l-inqas sabiħ tagħha, u fost l-oħrajn semmiet persuni li għadhom ma fehmux li kull immigrant li jasal f’pajjiżna jfittex l-ażil jew l-għajnuna umanitarja jfisser sfida għas-sens ta’ solidarjetà tagħna.

Tfakkar fil-messaġġ tal-Papa, sabiex kull persuna tiġi milqugħa u mgħejjuna tilħaq il-milja tagħha.

Kif jispjega l-Papa, l-integrazzjoni mhix assimilazzjoni li twassal għas-soppressjoni jew biex dak li jkun jinsa l-identità kulturali tiegħu

Il-Kummissjoni ttemm l-istarrija tikkwota minn Franġisku, li l-proċess ta’ integrazzjoni jista’ jitħaffef billi ċ-ċittadinanza ma tkunx marbuta ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi jew ta’ lingwa, u bil-faċilità ta’ regolarizzazzjoni straordinarja  għal migranti li jkollhom każ biex jibqgħu fit-tul fil-pajjiż.

F'Malta, il-Jum Dinji tal-Migranti u Refugjati se jiġi ċċelebrat b'Quddiesa li n-Nunzju Appostoliku, Mons. Arcisqof Alessandro D'Errico, se jippresiedi fil-Knisja tal-Kapuċċini, il-Furjana, nhar il-Hadd stess, 14 ta' Jannar, fid-9am.

Iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar b'mod dirett fuq TVM2.

Ritratt: Arkivji