Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Influwenza: l-Arċisqof jappella għal "elementi bażiċi ta' korteżija"

Matthew Borg  -  13/01/18 03:38 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-poplu biex iħaddem dawk li ddeskriviehom bħala “elementi bażiċi ta’ korteżija” meta kien qed jitkellem fuq l-influwenza li laqtet lil ħafna nies dix-xitwa.

“Jekk qiegħed f’post pubbliku u se tagħtas ħu ħsieb u uża maktur”, kien il-parir skjett ta’ Mons. Scicluna.

Dawn il-kummenti l-Arċisqof għaddiehom waqt il-kummentarju tiegħu ta’ qabel l-aħbarijiet ta’ nofsinhr fuq RTK, meta żied jgħid li b’ġest bħal dan, kif ukoll oħrajn li jipprevjenu milli tgħaddi l-mard li jkollok lil ħaddieħor, tkun qed turi karità Nisranija ma’ ħaddieħor.

Mons. Scicluna rrefera għall-awtoritajiet mediċi, u talab lill-poplu biex jisma’ mill-avviżi tagħhom, iżda enfasizza l-aktar fuq l-appell biex min ma jkollux għalfejn imur l-emerġenza ta’ Mater Dei u jista’ jinqeda minn polyclinic, mela jagħmel hekk, u mhux jieħu l-ispazju ta’ min verament għandu bżonn l-għajnuna minn Mater Dei.

Aktar kmieni dax-xahar Newsbook.com.mt irrapporta li 40% tal-persuni li jmorru fl-Emerġenza ta’ Mater Dei fil-fatt qed jaħlu ħin il-ħaddiema, għax ma jkunx posthom hemm.

L-Arċisqof kompla billi rringrazzja lill-ħaddiema fl-isptarijiet u d-djar residenzjali, għax skontu dawn qed jirriskjaw il-ħin kollu li jimirdu, imma xorta jwettqu xogħolhom b’dedikazzjoni.

Huwa għalhekk li l-poplu għandu d-dmir li jitlob għal dawn in-nies, sostna Mons. Scicluna.

Il-valur tas-silenzju għas-sena ta’ ħajjitna

Minn hemm l-Arċisqof għadda biex jikkummenta dwar il-messaġġ tal-Papa waqt l-udjenza li jkollu kull nhar t-Erbgħa, meta qal lis-saċerdoti miġburin quddiemu biex iżommu s-skiet waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

Mons. Scicluna żied ma’ dan, meta rrimarka kemm ikun tajjeb li kulħadd jistinka biex ftit kuljum isib ċans biex ikun fis-skiet, fuq xi bank f’xi ġnien, fil-kampanja jew ħdejn il-baħar.

Sostna li dawn il-mumenti jservuna biex nimmeditaw fuq is-sens tal-ħajja, u allura fuq ħajjitna stess.