Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: "Muscat deher skomdu ħafna waqt l-intervista mal-BBC" – espert fil-midja

Matthew Borg  -  13/01/18 06:31 PM

Il-Professur Kanadiż Marc Edge qal li waqt l-intervista tiegħu mal-BBC, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat deher skomdu ħafna u kien qed jitbissem b’mod irritanti.

Il-Professur Marc Edge sostna li l-kontenut tat-tweġibiet ta’ Dr Muscat kien tajjeb, iżda l-komunikazzjoni mhux verbali tiegħu tat l-impressjoni li ma jistax jiġi afdat.

Il-Professur Edge, li jgħallem il-ġurnaliżmu fl-Università ta’ Malta, għandu esperjenza twila professjonali u akkademika, qal dan fil-programm ‘Newsline’ li xxandar s-Sibt filgħodu fuq RTK.

Huwa ta dawn il-kummenti wara li analizza l-mod ta’ kif il-Prim Ministru wieġeb għall-mistoqsijiet li għamillu l-ġurnalist veteran John Sweeney il-ġimgħa l-oħra fil-programm tal-BBC ‘Newsnight’.

L-iktar li laqtuh qal li kien il-lingwaġġ viżiv tal-Prim Ministru, partikolarment meta “wera tbissima skomda, tant li kien se jinfaqa’ jidħak waqt li kien qed jitkellem dwar materja serja bħalma huwa l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.

Il-Professur Edge qal li għal kull min ra l-filmat, Joseph Muscat ta impressjoni fqira tiegħu nnifsu għax wera ċertu nervożiżmu.

Edge qal li t-televiżjoni joħroġ ħafna dawn l-elementi tal-komunikazzjoni mhux verbali.

Bħala eżempji semma kemm l-intervista fil-Ħamsinijiet li biha l-ġurnalist magħfuf Edward R. Murrow kien xejjen lis-Senatur Joseph McCarthy. L-istess ġara waqt id-dibattitu televiżiv bejn Nixon u Kennedy. Nixon rebaħ fuq ir-radju waqt li Kennedy rebaħ ma’ dawk li rawh fuq it-televiżjoni.

Mistoqsi x’impressjoni jistgħu jieħdu barranin li jaraw l-intervista l-professur Kanadiż qal li jieħdu impressjoni fqira ħafna.

“Jien kont ixxukkjat bil-mod kif deher il-Prim Ministru” qal Edge waqt li kompla li ħafna Maltin żgur iħossuhom imbarazzati bil-mod kif dehret Malta fil-midja internazzjonali.

Iddeskriva wkoll din l-intervista bħala waħda li turi l-kwalità fina tal-ġurnaliżmu tal-BBC, u sostna li mhuwiex faċli għall-Prim Ministru ta’ pajjiż żgħir, li jpoġġi fuq “siġġu jaħraq” għal intervista ta’ dan il-kalibru.