Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Nippubblikaw il-ftehim sħiħ bejn il-Gvern u l-MUT dwar l-għalliema

13/01/18 03:55 PM

Newsbook.com.mt qed jippubblika l-ftehim sħiħ li ġie ffirmat bejn l-Unjin tal-Għalliema (MUT) u l-Ministeru għall-Edukazzjoni hekk kif kopja tal-istess ftehim waslet għandna minn sors qrib id-dipartiment.  Fost l-oħrajn jinkludi ż-żieda li se jirċievu l-għalliema.

Il-ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru, kif ikkonfermat anki ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-unjin fil-jiem li għaddew, li qal ukoll li se jkun ikopri sal-aħħar tal-2022.

Kull paġna fid-dokument li qed nippubblikaw fiha l-inizjali tal-firmatarji tal-ftehim. Il-ftehim huwa ffirmat minn seba’ uffiċjali: tlieta min-naħa tal-Gvern u erbgħa min-naħa tal-MUT.

Il-ftehim, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, ikopri kemm l-għalliema kif ukoll l-amministrazzjoni tal-iskejjel, fi gradi differenti.

Jindika li sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor fl-istess ftehim, m’hemm l-ebda proviżjoni għall-arrettrati. 

Min-naħa tal-Unjin il-ftehim ġie negozjat mill-President Marco Bonnici, iż-żewġ Viċi Presidenti Norman Grech u Elaine Germani, u s-Segretarju Ġenerali Carmen Dimech. 

Huwa maħsub li l-firmatarji permezz ta’ djalogu u konsultazzjoni kontinwa jkomplu jaħdmu biex b’hekk jilħqu l-erba’ miri ddikjarati fil-qafas tal-istrateġija għall-edukazzjoni f’Malta 2014-2024.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn lejn il-ftehim mhux mifhum kif inħadem il-persentaġġ ta’ 20% żieda għal kull grad li hemm mniżżel fil-ftehim.  Barra minn hekk, ma għandniex kemm se tiswa b’kollox din iż-żieda. 

X’jiġri jekk ma japplikawx biżżejjed nies?

Il-ftehim ikopri l-possibilità li f’każ li ma japplikawx biżżejjed nies li għandhom kwalifiċi meħtieġa, il-Ministeru jista’ jingaġġa nies bl-aħjar kwalifiċi bħala supply jew inkella persuni rtirati li jistgħu jaqdu dawn id-dmirjiet. Dan sakemm il-post vakanti ma jkunx wieħed ta’ promozzjoni. 

L-għalliema jridu jifirimaw għax-xogħol sa mhux inqas minn 10 minuti qabel il-ftuħ uffiċjali tal-iskola għall-istudenti u huma intitolati għal 10 minuti non contact time bħala parti mill-ħinijiet uffiċjali ta’ xogħol. 

L-assessjar 

Kif tħabbar dan l-aħħar se jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena. L-assessjar bejn l-ewwel snin sal-Year 3 se jkun qed jingħata b’mod kwalitattiv u l-metodu li se jintuża għal dan għandu jiġi determinat mill-maniġment bi qbil mal-Unjin. 

L-assessjar b’mod kontinwu għandu jkun dokumentat u jkompli sas-sekondarja għal kull student, jiġifieri sal-livell MQF 4 meta l-istudent se jkun qed jagħti l-eżamijiet tas-SEC. 

Kif diġà tħabbar l-assessjar mill-Year 4 sal-Form 5 mhux se jkollu iktar l-eżamijiet ta’ nofs is-sena imma eżami wieħed biss fl-aħħar tas-sena (Ara paġna 28 tal-ftehim). 

Għajnuna Pastorali

L-għalliema tal-kindergarten u dawk fl-iskejjel primarji se jkunu qed joffru għajnuna pastorali lill-istudenti. Din tinkludi l-għoti ta’ pariri u sapport lejn l-istudenti, minbarra t-tagħlim. 

Fl-iskejjel sekondarji din ir-responsabbilità se taqa’ f’idejn il-Form Teacher. Kull Form Teacher se jkollha l-klassi tagħha u se tkun qed issegwi l-istudenti tagħha iktar mill-qrib (Ara paġna 34).

Il-Learning Support Educators

Se jkun qed jinbidel it-titlu tal-Learning Support Assistants, jew kif nafuhom aħjar, l-LSAs. Dawn se jibdew jissejħu Learning Support Educators. Huma mistennija li jgħinu lill-istudenti kollha tal-klassi jew jaħdmu ma’ student wieħed fuq bażi full-time, inkella jaħdmu mal-istudenti fiċ-ċentri għar-riżorsi dawk li huma mniżżlin bħala LSE III u LSE II.

Hemm diskrepanza fil-kwalifiki, hekk kif LSE III irid jkollu kwalifiki tal-livell 6 MQF jew ogħla, fl-edukazzjoni inklussiva jew kwalifiki komparabbli.

Dawk li jidħlu bħala LSE II irid ikollhom kwalifiki tal-livell 5 MQF, dawk magħrufa bħala diploma u jiffaċilitaw l-edukazzjoni inklussiva. Jekk ma jkunx hemm biżejjed persuni li japplikaw u jkollhom dawn ir-rekwiżiti, allura persuna eleġibbli tista’ tapplika taħt LSE I fejn il-kwalifiki huma fuq livell 5 MQF u għandha ċertifikat fl-edukazzjoni inklussiva jew kwalifika komparabbli. Iżda kemm LSE III u LSE II se jkollhom l-istess paga u l-paga se tiżdied bl-istess ammont f’dawn il-ħames snin, għalkemm m’għandhomx l-istess kwalifiki. Kif jidher minn paġna 57 fl-istess ftehim, dan jgħodd ukoll għall-flus li se jingħataw għar-riżorsi. 

LSE se jingħataw kumpens finanzjarju li jirrifletti s-salarju tagħhom, meta jaħdmu iktar mis-27.5 siegħa stabbilita. 

Dawk l-LSEs li jaħdmu full-time ma’ student wieħed, għandhom dritt statutorju għall-kwarta break u din se tapplika wkoll għal-LSEs fiċ-ċentri tar-riżorsi. 

Tista’ taqra l-ftehim sħiħ hawn taħt.