Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Koreani se jimxu flimkien taħt bandiera waħda

Matthew Borg  -  17/01/18 05:22 PM

Il-Korea ta’ Fuq u l-Korea ta’ Isfel iddeċidew li jimmarċjaw flimkien taħt bandiera waħda fil-Logħob Olimpiku Xiwti li se jsir fil-Korea ta’ Isfel ix-xahar id-dieħel.

Il-bandiera se tkun waħda li tissimbolizza Korea waħda magħquda.

Intlaħaq ftehim ukoll biex ikun hemm tim wieħed tan-nisa fl-isports tal-hockey, magħmul minn nisa mill-Korea ta’ Fuq u ta’ Isfel.

Dan minkejja li l-Korea t’Isfel qalet li jista’ jkun li ċ-ċans biex it-tim jirbaħ naqas bl-introduzzjoni tan-nisa mill-Korea ta’ Fuq.

Aktar kmieni dax-xahar żewġ delegazzjonijiet sportivi tal-pajjiżi rispettivi ltaqgħu biex jiddiskutu fil-villaġġ mhux militarizzat ta’ Panmunjom, li tfisser il-villaġġ tal-paċi.

Jekk kollox jimxi ħarir, delegazzjoni ta’ mijiet ta’ Koreani ta’ Fuq jaqsmu għall-Korea t’Isfel, wara aktar minn 70 sena kemm iż-żewġ pajjiżi ilhom mifrudin.

Il-Korea ta’ Fuq qablet ukoll li tibgħat delegazzjoni iżgħar għall-Paraolimpjadi.

Madankollu hemm xi sfidi, ngħidu aħna l-Korea ta’ Fuq trid tara kif se ddaħħal lin-nies mill-Korea ta’ Fuq, għax jeżistu sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Magħquda li jipprevjenu li jkun hemm xi mogħdija ta’ flus lejn il-Korea ta’ Fuq, jew li xi uffiċjali minn hemm imorru l-Korea t’Isfel.