Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Papa jridna nkunu "Artiġġjani tal-Għaqda"

.     -  17/01/18 06:00 PM

Il-Papa Franġisku fit-tieni jum taż-żjara tiegħu fiċ-Ċile qaddes fil-beraħ fl-ajruport ta’ Temuco. Kull quddiesa matul dan il-vjaġġ tingħata tema partikolari magħżula mill-Papa nnifsu.  It-tema magħżula għal din il-quddiesa kienet: “Għall-Progress tal-Popli”.

 

Il-Papa beda l-omelija tiegħu billi rringrazzja ‘l Alla li taħ ċans iżur din il-parti tal-kontinent tal-Amerika t’Isfel – l-Araucania. Din hi art imbierka mill-Ħallieq b’għelieqi mmensi iħaddru, b’foresti miżgħuda b’arauvarias impressjonanti u bil-vulkani maestużi miksija bis-silġ, l-għadajjar u x-xmajjar mimlija ħajja. Din il-veduta terfagħna lejn Alla u faċli naraw idu f’kull kreatura.

 

Diversi ġenerazzjonijiet ħabbew din l-art bi gratitudni fervent. Nixtieq nagħmel pawsa u nsellem b’mod partikolari lill-membri tal-poplu Mapuche u l-popli indiġeni l-oħra li jgħixu f’dawn l-artijiet: ir-Rapanui, l-Aymara, il-Quechua, l-Atacamenos u tant oħrajn.  Mill-għajn tat-turist, din l-art teċitani hekk kif ngħaddu minnha iżda jekk inpoġġu widnejn mal-art nisimgħuha tkanta: Arauco għadnha dwejjaq li ma jistax jissikket, l-inġustiżżji li għal sekli sħaħ kulħadd jara jseħħu”.

 

Qed niċċelebraw din il-quddiesa b’ringrazzjament ta’ din l-art u l-poplu tagħha imma wkoll b’dieqa u uġiegħ. Dan l-ajruport fejn qegħdin kien post fejn twettqu vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet umani. Noffru din il-quddiesa għal dawk kollha li sofrew u mietu u għal dawk li ta’ kuljum għadhom iġorru t-toqol tal-ħafna inġustizzji.

 

Is-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib iġorr id-dnub u l-uġiegħ tal-popli tagħna u jifdihom.

 

Fl-Evanġelju li għadna kif smajna, Ġesu’ jitlob lilll-Missier “biex dawn ikunu lkoll wieħed”.  F’mument kruċjali ta’ ħajtu Hu waqaf u talab għall-għaqda. F’qalbu jaf li l-akbar theddida għad-dixxipli tiegħu u għall-umanita’ se jkunu l-firda u l-ġlied, l-oppressjoni ta’ uħud fuq oħrajn.

 

Kemm se nxerrdu dmugħ aktar! Illum irridu naqbdu ma’ din it-talba ta’ Alla u nidħlu miegħu fil-wied tad-dmugħ bid-dulur tagħna u nitolbu lill-Missier, ma’ Ġesu’, biex aħna lkoll inkunu ħaġa waħda. J’Alla l-konfrontazzjoni u l-firda qatt ma jirbħu fostna.

 

Din l-għaqda li jrid Alla hi rigal li rridu nfittxu b’insistenza għall-ġid ta’ pajjiżna u ta’ uliedna.  Irridu nkunu attenti għat-tentazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu biex jivvalenaw l-għeruq ta’ dan ir-rigal li Alla jrid jagħtina u li bih jistedinna jkollna rwol important fl-istorja.

 

Tentazzjoni li rridu nirreżistu hi dik li nħalltu l-għaqda mal-uniformita’. Kristu ma talbx lil Missieru biex kulħadd ikun indaqs, identiku għax l-għaqda ma għandhiex tinnewtralizza jew issikket id-differenzi. L-unita’ mhux idolu jew ir-riżultat ta’ integrazzjoni furzata; m’hix armonija mixtrija bil-prezz li tħalli lil uħud fil-ġenb. L-għana ta’ art titwieled mix-xewqa ta’ kull parti minnha li taqsam l-għerf tagħha mal-oħrajn.

 

L-Għaqda qatt ma tista’ tkun uniformita li toħnoq, imposta minn min għandu s-saħħa jew segregazzjoni li ma tagħrafx u ma tagħtix valur it-tajjeb fl-oħrajn.  L-għaqda li fittex u offra Ġesu’ tagħraf dak li kull bniedem u kull kultura huma msejħa biex jikkontribwixxu lil din l-art imbierka. L-Għaqda hi diversita’ rikonċiljata għax ma tippermettix il-ħażen personali jew komunitarju jitwettqu f’isimha.

 

Għandna bżonn ir-rikkezzi li kull persuna tista’ toffri u rridu nabbandunaw l-idea li hemm kulturi għolja u baxxi.

 

Tapit sabieħ irid nassaġa li jafu s-sengħa kif iħalltu l-materjali differenti u l-kuluri, li jagħtu żmien ma’ kull element u kull stadju tax-xogħol. Dan il-proċess jista’ jkun imitate mill-industrja, iżda kulħadd jagħraf id-drapp maħdum b’magna minn dak magħmul bl-idejn. Dik l-arti li tgħaqqad tinħtieġ artiġġjani veri li jafu jarmonizzaw id-differenzi fid-disinn tal-bliet, it-toroq, il-pjazzez u l-pajsaġġ.  M’hix arti tal-iskrivanija, hi sengħa li titlob attenzjoni. Dak li jagħmilha sabieħa u tirreżisti l-passaġġ taż-żmien u l-maltemp li tista’ tiltaqa’ miegħu.

 

L-għaqda li l-poplu tagħna għandu bżonn titlob minn li nisimgħu lil xulxin u aktar important, li nistmaw lil xulxin. “Dan mhux sempliċement li nkunu infurmati aħjar fuq l-oħrajn imma li naqtgħu l-frott ta’ dak li l-Ispirtu żergħa fihom”. Dan ipoġġina fit-triq tas-solidarjeta’ bħala mezz biex ninsġu l-għaqda, mezz biex nibnu l-istorja. Is-solidarjeta’ li twassalna biex ngħidu: “Għandna bżonn lil xulxin u d-differenzi tagħna biex din l-art tibqa’ sabieħa! Din  hi l-unika arma li għandna kontra t-telfien tat-tama. Għalhekk nitolbu: Mulej agħmilna artiġġjani tal-għaqda”, kompla jgħid il-Papa.

 

Jekk l-għaqda trid tibena fuq l-istima u s-solidarjeta’, allura ma nistgħux naċċettaw kollox biex naslu għaliha. Hemm żewġ tipi ta’ vjolenza li flok jinkoraġixxu l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni, jhedduhom.

 

L-ewwel irridu nkunu għassa li ma noħorġux b’arranġamenti ‘eleganti’ li qatt ma jitpoġġew fil-prattika. Il-kliem sabieħ, il-pjani dettaljati, jistgħu jkunu meħtieġa imma jekk ma  jkunux implimentati jispiċċaw “iħassru bil-minkeb dak li jkun inkiteb bl-id”. Din hi l-ewwel tip ta’ vjolenza, għax tiffrustra t-tama.

 

It-tieni, irridu ninsistu li kultura ta’ stima reċiproka ma tkunx bażata fuq atti ta’ vjolenza u distruzzjoni li jispiċċaw jieħdu ħajjiet umani. Ma tistax tasserixxi lilek innifsek billi toqtol lill-oħrajn għax dan iwassal biss għal aktar vjolenza u firda. Il-vjolenza twelled il-vjolenza u t-tifrik iżid il-frammentazzjoni u l-firda. Il-vjolenza tirrendi kawża ġusta f’gidba. Għalhekk irridu ngħidu “ma rridux vjolenza li tfarrak” bl-ebda waħda minn dawn iż-żewġ forom.

 

Dawn iż-żewġ modi huma bħal-lava ta’ vulkan li tħassar u taħraq kull ma ssib fi triqtha u tħalli biss vojt u desolazzjoni. Ejja allura flimkien infittxu t-triq mingħajr vjolenza bħala “stil ta’ politika għall-paċi”. Ejja nfittxu bla ma ngħajjew id-djalogu li jwassal għall-għaqda. Għalhekk ngħajjtu: Mulej għamilna artiġġjana tal-għaqda.

 

Aħna lkoll, sa ċertu punt, aħna nies tad-dinja. Aħna lkoll imsejjħa għal ħajja tajba kif ifakkarna l-għerf tal-poplu Mapuche. Kemm għad fadlilna nimxu u kemm għad fadlilna nitgħallmu! Għalhekk ħuti, għat-tfal ta’ din id-dinja, għat-tfal ta’ uliedhom ejja ngħidu ma’ Ġesu’ lill-Missier: Ejja aħna wkoll inkunu wieħed; għamilna artiġġjani tal-għaqda.