Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-għalliema l-ġodda se jmorru ftit aħjar fiż-żidiet; "daqshekk użajna perċentwali"

Matthew Borg  -  17/01/18 03:31 PM

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) enfasizzat li qatt ma riedet taħdem bil-perċentwali biss, iżda anki biċ-ċifri u figuri ta’ kemm fil-fatt kienu se jiżdiedu l-għalliema skont il-ftehim settorjali li qajjem għagha fost l-għalliema.

Il-President tal-Unjin, Marco Bonnici, qal li minkejja din ix-xewqa l-unjin ma setgħetx tippubblika ċ-ċifri iżda l-perċentwali biss, għax il-Gvern talabha tagħmel hekk.

Bonnici qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar il-ftehim settorjali u fiehem il-perċentwali taż-żidiet li se jirċievu l-għalliema.

Huwa sostna li l-perċentwal ta’ 28% żieda huwa perċentwal medju, jiġifieri meta wieħed jieħu l-perċentwali kollha flimkien taż-żidiet lill-gradi u l-iskali kollha tal-edukaturi.

Dan il-perċentwal fiż-żieda l-għalliema jħossuh wara l-ħames snin li jkopri l-ftehim, jiġifieri minn dis-sena skolastika sa dik tal-2021-22.

Żied jgħid li l-għalliema se jipprogressaw għal dak il-perċentwal sal-2022, filwaqt li dawk l-għalliema li jidħlu jaħdmu ġodda fl-2022 jidħlu biż-żieda sħiħa.

Dwar dan il-perċentwal, bosta kienu dawk l-għalliema li gergru għax jinkludi fih iż-żieda tal-ftehim kollettiv t’April li għadda, u llum Bonnici qal li ma kienx jaf li l-għalliema ma kinux jafu li l-ftehim settorjali jibni fuq dak kollettiv lill-ħaddiema kollha taċ-ċivil.

Sostna li fil-jiem li ġejjin l-MUT se tkun qed tikkjarifika aħjar mal-għalliema.

L-għalliema l-ġodda se jmorru ftit aħjar mill-oħrajn

Bonnici kompla jispjega li l-għalliema li jidħlu ġodda f’dawn il-ħames snin, jiġifieri jkunu bdew b’paga fi skala 9, se jmorru ftit aħjar minn dawk li diġà jgħallmu u li jinsabu fi skala 7.

Wera 2 tabelli ta’ kif se jiżdied il-perċentwal, waħda għal dawk bi skala 9 u l-oħra għal dawk bi skala 7.

Fl-istess ħin baqa’ jenfasizza li l-Gvern kien ordna lill-MUT biex ma toħroġx ċifri jew tabelli, la onlajn u lanqas tippubblikahom, xi ħaġa li l-MUT obdiet imma li m’għoġbithiex.

Il-president sostna li ċ-ċifri u l-perċentwali f’dawn it-tabelli huma aktar reali mit-28% msemmija, għax juru kif għalliem se jipprogressa fil-paga f’dawn il-ħames snin.

Kif turi t-tabella tal-għalliema l-ġodda, jiġifieri fi skala 9, iż-żieda fl-ewwel sena se tkun dik ta’ 10%, u tibqa’ tielgħa sa 39% f’għeluq il-ħames snin tal-ftehim settorjali.

Jidhru wkoll l-allowances l-oħra għall-klassi u x-xogħol li jsir, jiżdiedu kull sena.

Imbagħad fit-tabella tal-għalliema li ilhom jgħallmu u qegħdin fi skala 7, se jibdew bil-famuża 14% żieda fl-ewwel sena tal-ftehim, jiġifieri dis-sena, u jibqgħu telgħin sa total ta’ 32% f’għeluq il-ħames snin.


F’dawn it-tabelli l-MUT inkludiet għall-ewwel darba ċ-ċifri tal-pagi bin-numri biex ma jkunx hemm tfixkil.

Bonnici kemm-il darba sostna li skont l-MUT kien żball tal-Gvern li ried li joħorġu biss il-perċentwali, u skontu kieku ma kienx jinqala’ dan it-tgergir kollu mill-għalliema.

Enfasizza li mil-lum ’il quddiem daqshekk ħadmet b’perċentwali.

“L-MUT għadha u se tibqa’ b’saħħitha”

Bonnici rrimarka li l-unjin għadha hemm u se tibqa’ b’saħħitha għall-għalliema, u dan fid-dawl tar-riżenja ta’ tliet membri tal-Kunsill tal-MUT, li aktar tard tkellmu mal-UĦM u fil-jiem li ġejjin se titwaqqaf unjin ġdida għall-għalliema fi ħdan il-UĦM; Union of Professional Educators (UPE) – Voice of The Workers.

Dwar Rita Catania, George Debono u David Rossi, li rriżenjaw, Bonnici allega li kienu ilhom jippruvaw jagħmlu l-bsaten fir-roti, meta rrimarka li kull ħaġa li kienet tintqal fil-laqgħat kienet toħroġ fil-pubbliku.

Bonnici qal li persuna minn dawk li rriżenjaw kienet saħansitra bidlet xi ħinijiet mit-timetable tal-lezzjonijiet tagħha u qalet li għamlet hekk bl-appriovazzjoni tal-MUT, meta ma kienx minnu.

Qal li din qed tiġi investigata.

Investigazzjoni biex jinstab min ħareġ id-dokument tal-Gvern

Il-President tal-MUT żied ukoll li bħala unjin qed jitolbu li ssir investigazzjoni biex jinstab min ipprovda d-dokument tal-Gvern bil-firem fuqu li kien fih il-ftehim sħiħ.

Sostna li bħala unjin xtaqu jippubblikawh, iżda żammu mal-ordni tal-Gvern u ma ppubblikawhx, u minħabba f’hekk qalgħu kritika.

L-unjin qed titlob li l-investigazzjoni ssir mill-Gvern, u ġġustifika dan billi qal “la kuntratti ta’ affarijiet oħra ma ġewx ippubblikati mela lanqas tagħna ma kellu jiġi ppubblikat”.

Uħud mill-punti l-oħra fil-ftehim

  • Fond għar-riżorsi
  • Introduzzjoni ta' allowance lis-supply, u allowance għal min ikun shared f'aktar minn skola waħda
  • Żieda fil-liv speċjali u l-possibiltà li jittieħed mal-vaganzi
  • Żdiedu l-vaganzi
  • It-taħriġ kollu se jsir fil-ħin tax-xogħol
  • Reviżjoni tan-numru ta' studenti fil-klassi
  • Limitu tan-numru ta' skemi ta' tagħlim li jista' jkollu għalliem
  • Ratios aħjar ta' superviżjoni

Barra dawn Bonnici xejjen dawk li sejħilhom "diċeriji", fosthom li se jitwalu l-ħinijiet tal-iskola, u li xi gradi se jintalbu jirrappurtaw għax-xogħol fis-sajf, li se jitkeċċew xi LSAs jew li mhux se jitħallew jagħmlu superviżjoni fil-brejk.