Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Id-dibattitu fil-Parlament dwar l-isptarijiet: X'irriżulta?

17/01/18 03:49 PM

F'seduta Parlamentari, ġie diskuss il-bejgħ tal-kumpanija Vitals Global Healthcare lil Steward Health Care li tħabbret lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.

L-Oppożizzjoni kienet talbet biex din id-diskussjoni ssir fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa biex tkun tista’ ttella’ persuni jixhdu dwar dan il-ftehim, iżda l-Gvern, għalkemm qabel li għandu jkun hemm dibattitu fil-Parlament, iddedika seduta plenarja biex il-Membri Parlamentari kollha jkunu jistgħu jitkellmu.

Segwi x'ingħad minuta b'minuta:

19:05 Il-Ministru Fearne temm id-diskors tiegħu billi qal li huwa konvint li s-servizz tas-saħħa f’Malta u Għawdex huwa tajjeb u dan jawgura tajjeb għall-futur.

19:04 Dwar it-tħassib jekk Barts hux se titlaq jew le, tħassib li ssemma fid-dibattitu mid-deputat Nazzjonalista Chris Said, Fearne qal li mhux talli Barts sejrin tajjeb iżda żvela li se jkabbru l-investiment tagħhom f’Malta.

19:03 Il-Ministru Fearne qal li meta jasal il-mument ma għandu xejn x'iżommu milli juri l-ftehim lill-Kap tal-Oppożizzjoni. 

19:02 Sostna li min daħal fil-kuntratt irid jagħti dak kollu miktub fil-kuntratt u semma l-ħidma fil-Ministeru tiegħu li qed issir biex janalizzaw li l-ftehimiet fis-settur tal-privat jiġu analizzati. Kompli jgħid li l-interess tal-Gvern huwa l-interess tal-pazjenti.

19:00 Intervjena l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fejn qal lill-Ministru Chris Fearne jiċċara dak li qal dwar is-servizz li jingħata lill-Għawdxin. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Fearne qal li l-Gvern ma jiddejjaq xejn jonfoq il-flus għas-saħħa tal-Għawdxin.

18:58 Fearne qal li l-Oppożizzjoni trid li jitwaqqaf il-proġett ta’ investiment fl-isptarijiet. Wieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħelikopter ta’ Għawdex fejn qal li dan is-servizz qed jintuża kuljum. Għaċ-ċifra ta’ €190,000 kuljum imsemmija mill-Kap Nazzjonalista, li qed jintefqu fl-isptarijiet ta’ Għawdex u Karin Grech, Chris Fearne qal li fl-Isptar Mater Dei €2 miljun.

18:55 Tkellem dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qal li l-ħidma f’dan l-isptar għandha twassal biex ikun “sptar aqwa mill-Isptar Mater Dei”.

18:53 Fost proġetti li għandhom isiru fil-ġimgħat li ġejjin, Chris Fearne qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru d-dettalji ta’ proġett ġdid li l-Gvern se jinvesti f’ċentru reġjonali fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta biex tkompli tissaħħaħ il-kura primarja. Qal ukoll li se jiżdiedu l-oqbra f’numru ta’ ċimiterji.

18:46 Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lit-tobba u l-infermiera kollha għall-ħidma li jagħmlu kuljum. Fearne spjega li fl-ewwel snin ta’ Gvern Laburista rranġaw dak li dabu wara Gvern Nazzjonalista.

18:44 Delia sostna li l-Ministru Fearne jaf li dak li ġara kien ħażin, filwaqt li saħaq fuq l-għażla li għandu li jbiegħ lil Malta jew li jerġa’ jagħti l-isptarijiet lill-Maltin. Temm jgħid li jemmen fit-tobba Maltin u Għawdxin u għalhekk saħaq li “rridu nergħu nieħdu r-riedni b’idejna”.

18:40 Ikkritika wkoll il-bejgħ tal-affarijiet ta’ ġol-isptarijiet li nbiegħu kollha għal €1 biss filwaqt li saħaq li dan huwa “proġett li kien intiż speċifikament biex ifalli”.

18:37 Delia qal li sa issa il-Maltin u l-Għawdxin ma ħadu xejn iżda semma kif minn dak li ġie żvelat fil-midja qed jitħalsu €190,000 kuljum. 

18:33 L-istudenti ta’ Barts li hemm f’Għawdex bħalissa qed jitgħallmu fi klassi fis-6th Form ta’ Għawdex. Sostna li dan juri li mhemmx il-mijiet li kienu msemmija li se jiġu Għawdex. Semma wkoll li l-ħelikopter tal-Vitals “jintuża jew ma jintużax dan is-servizz” se jiswa lill-Gvern €30 miljun.

18:29 Il-Kap tal-Oppożizzjoni beda d-diskors tiegħu billi qal li fl-2013 id-dekasteru tas-saħħa f’Gġawdex tneħħa mill-portofoll tal-Ministeru għal Għawdex Anton Refalo biex ingħata lill-Ministru Konrad Mizzi. Qal li din saret biex jibda l-proċess ta’ ħabi.

18:23 Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis beda l-intervent tiegħu b’elenku ta’ għadd ta’ persuni kellhom jistennew is-snin biex jieħdu servizz mill-isptar.

18:21 Qal li jaqbel mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għaliex skont Farrugia, Fearne dejjem iddistakka ruħu minn dan il-ftehim.

18:17 Ikkritika iżda l-ftehim li sar ma’ Vitals għax qal li l-mod kif sar kien ħażin. Staqsa liema hu dak l-imprenditur li jagħmel ftehim kontrih u jiftaħar li hu favurih.

18:16 Id-deputat Farrugia tkellem dwar is-settur privat u kif l-akbar eżempju tiegħu fl-investiment tas-saħħa huwa l-qasam tal-kura primarja. Qal li hu, bħal Prim Ministru, jinsab kburi b’dak li seħħ mill-2013 ‘l hawn fis-settur tas-saħħa.

18:14 Intervjena issa id-deputat Godfrey Farrugia fejn qal li skont hu kulħadd jaqbel li f’Malta hawn bżonn ta’ investiment privat fis-settur tas-saħħa.

18:11 Qal li hu ma jieħux pariri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista filwaqt li faħħar lid-deputat Godfrey Farrugia għal mod kif mexa meta kien responsabbli mis-saħħa.

18:07 Id-deputat Laburista Silvio Parnis tkellem f'dan id-dibattitu u qal li ma jissorprendix ruħu kif l-Oppożizzjoni hi kontra dan il-proġett.

18:05 Fakkret ukoll f’dak li qalet l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta meta kkritikat dan il-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet filwaqt li reġgħet appella lill-Gvern biex jerġa’ jieħu f’idejh it-tmexxija tal-isptarijiet.

18:01 Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-Gvern għamel l-isptarijiet tiegħu, meta l-isptarijiet huma tal-Maltin u l-Għawdxin. Fakkret kif id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom jirriflettu x-xewqa tal-poplu u mhux jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-ftit.

18:00 Reġa’ saħaq kif dan il-ftehim mhux fl-interess tal-poplu iżda “fl-interess ta’ Ram Tumuluri u min jista’ jkun hemm warajh”. Għalhekk saħaq biex il-Gvern iwaqqaf immedjatament dan il-ftehim u jroddu lura lill-Maltin.

17:59 Tkellem dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qal kif l-uniku sptar f’Għawdex ma kellux jinbiegħ għax joffri servizz vitali lill-Għawdxin.

17:57 Semma kif illum il-Prim Ministru żvela kif il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri kienu involuti fl-aħħar ftehim biex il-kumpanija Vitals tinbiegħ lil Steward Health Care.

17:55 L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-ftehim ma’ Vitals “huwa ħadma mill-bidu sal-aħħar”.

17:50 Qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tkun negattiva billi ma taċċettax li l-ftehim ma’ kumpanija privata jista’ jtejjeb is-servizz tas-saħħa.

17:47 Mill-Gvern tkellem id-deputat Silvio Grixti fejn qal li l-Gvern ilu li għadda l-kuntratt ta’ Vitals lill-Avukat Ġenerali ‘il fuq minn sena.

17:45 Appella lill-Gvern “biex jagħmel kuraġġ” u jippubblika d-dokumenti kollha tal-ftehim tal-isptarijiet.

17:42 Stellini qal li biċċiet mill-kuntratt qed jidru fil-midja iżda l-Oppożizzjoni ma tistax tikkonferma minħabba li l-kuntratt mhux pubbliku.

17:40 Tkellem issa id-deputat David Stellini fejn qal li l-Ministru Caruana trid iġġorr ir-responsabbiltà politika li qed tiddefendi dan il-ftehim ma’ Vitals.

17:39 Temmet tgħid li “there is no turning back” għax il-Gvern ma jridx li l-Għawdxin jerġa’ jkollhom servizzi tas-saħħa li jkunu tat-tielet dinja.

17:38 Semmiet l-esperjenzi tagħha fl-Isptar fejn qalet li ma kienx hemm inkubaturi jaħdmu. Spjegat li s-servizz kien ta’ kwalità qadim

17:36 Faħħret il-ħidma mwissija tad-deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia li ntroduċa s-servizz tal-kimoterapija f’Għawdex, fl-istess waqt li ġiet imwissija kemm-il darba mill-Ispeaker biex tindirizza “Onoervoli”.

17:34 Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Isptar Ġenerali Għawdex fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.

17:32 Semma li Barts mhumix kuntenti bl-affarijiet kif inhuma mixjin fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex filwaqt li saħaq li l-Oppożizzjoni hi tal-fehma li l-investiment ta’ Barts għandu jibqa’.

17:30 Spjega kif fil-bidu, il-Gvern prova jħawwad lin-nies billi jqabbel l-investiment ta’ Barts mal-kumpanija Vitals.

17:29 Żvela kif tabib li jaħdem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ta parir biex jekk Għawdxi jkollu problema ta’ saħħa għandu jitlab dirett lejn Malta flok jidħol fl-Isptar ta’ Għawdex. Skont Said, dan qed jiġri minħabba li s-servizz fl-isptar mar għal agħar.

17:27 Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għalk Għawdex Chris Said qal li Vitals ma kellhomx il-kompetenza u s-saħħa finanzjarja biex jisselfu u jagħmlu l-investiment neċessarju fl-isptarijiet

17:24 Qal li sal-lum għadna ma nafux minn huma l-benefiċjarji ta’ dan il-ftehim u qal li kien “deal skandaluż” minħabba li l-kuntratt ġie moħbi meta paġni minnu ġew ingassati bl-iswed” 

17:22 Tkellem ukoll id-deputat Għawdxi Frederick Azzopardi u qal li l-isptarijiet inbiegħu lil “kumpanija fantażma li lanqas kellha esperjenza kif tmexxi klinika aħseb u ara sptar.”

17:18 Il-Ministru Mizzi sostna li “l-futur se jkun sabiħ”, filwaqt li qal li dan “se jsir mudell li aktar pajjiżi fl-Ewropa se jadottaw”.

17:15 Spjega l-mod kif il-Gvern wara tletin sena jerġa’ jieħu l-isptarijiet bl-investimenti kollha li jkunu diġa saru fih.

17:14 Ir-riskju tal-kapital qiegħed għand l-investituri u għalhekk il-Gvern m’għandux problemi jekk il-prezzijiet jogħlew għax l-investituri jridu jagħmlu l-investiment skont il-prezzijiet li diġa ġew stabbiliti.

17:12 Spjega l-involviment tiegħu fil-bidu tar-riċerka għall-investiment fl-isptarijiet. Semma l-ħsieb li kellu l-Gvern biex isir investiment kbir fl-Isptar ta’ Għawdex u anke f’dak ta’ San Luqa.

17:11 Il-Ministru Konrad Mizzi tkellem dwar is-sitwazzjoni li sab il-Gvern Laburista fl-2013, bid-diffikultajiet kollha li nstabu.

17:10 Appella lill-Ministru Fearne li ddeskrivih bħala wieħed mill-professjonisti li jagħmel ġieħ lis-settur tas-saħħa biex il-Gvern jerġa’ jieħu t-tmexxija tal-isptarijiet.

17:09 Qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx li l-isptarijiet jiġu pprivatizzati lill-kumpaniji li jeżistu purament biss biex jagħmlu qliegħ selvaġġ u semma wkoll li dawn il-kumpanijij għandhom il-profitt għal qalbhom iktar mill-pazjent.

17:07 Faħħar lill-eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet u huwa surreali li l-partit Soċjalista fil-Gvern “li suppost għandu għal qalbu l-prinċipji soċjalisti” qed jirraġuna bil-mod kif qed isir id-dibattitu.

17:05 Mill-Oppożizzjoni tkellem ukoll id-deputat Claudio Grech fejn qal anke hu kien isegwi dan is-settur bħala kelliem tal-Oppożizzjoni fil-leġislatura li għaddiet.

17:04 Id-deputat Muscat tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tal-eks deputat Albert Fenech li rriżenja mill-Parlament biex imur jaħdem ma’ din il-kumpanija li tmexxi t-tliet sptarijiet. Spjega li din il-kumpanija qed titmexxa mill-aħjar nies fis-settur u nies b’esperjenza.

17:02 Qal li jaħseb li hemm qbil li s-servizz tas-saħħa f’Malta huwa l-aqwa f’Malta u anki fl-Ewropa. Spjega li kien hemm tender internazzjonali u saret għażla bejn tliet kompetituri li wrew interess.

17:00 Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li ma fhemx xi trid l-Oppożizzjoni meta f’ħin minnhom tgħid li mhux kontra l-privat u fl-istess ħin tgħid li l-Gvern għandu jkeċċi l-investiment barrani u jerġa’ jieħu f’idejh is-servizz li ġie pprivatizzat.

16:57 Temm jgħid li dak li qal ma jixtieqx li jinstema’ negattiv għax qal li l-Oppożizzjoni trid li s-servizz tas-saħħa f’Malta jkun tal-aqwa kwalità. 

16:55 "M’aħniex nikkritikaw b’kapriċċ." Spiteri jispjega li l-Oppożizzjoni għandha fl-interess tagħha l-anzjani u l-kura tagħhom u l-Gvern ma jistax jixxaħħaħ ma’ nies vulnerabbli.

16:52 Qal ukoll li terz mill-paġni tal-kuntratt ippubblikat kienu ċċensurtati filwaqt li reġa’ saħaq li dan għandu jiġi ppubblika biex kulħadd ikun jaf x’iddeċieda l-Gvern f’ismu.

16:49 Id-deputat Spiteri semma’ anki t-tħassib ta’ diversi unjins fosthom tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) li uħud minnhom talbu li jiġi ppubblikat il-kuntratt bejn Vitals u l-Gvern.

16:46 Jibda jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri fejn sejjaħ dan il-proġett tal-isptarijiet bħala “żvilupp tajjeb iżda bil-ftehim li sar ma’ Vitals, dan l-ivestiment li suppost ġab il-quddiem dan is-servizz ma laħaqx il-miri li kellu jilħaq”.

16:45 Qal li l-Gvern se jkun qed jixtri l-investiment ta' €300 miljun li sar bi €80 miljun fil-futur.

16:43 "Il-Gvern m’għandux minn fejn joħroġ €200 miljun". Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern qed iġib investiment kapitali mill-privat biex jinfetaħ sptar li kien magħluq (Sptar San Luqa), u żewġ sptarijiet li mhumix ta’ livell (Sptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex).

16:40 Qal li l-Gvern Nazzjonalista kien iddeċieda li jipprivatizza s-settur tad-djar tal-anzjani u qal li dakinhar ħadd ma kien tkellem kontra l-privatizzazzjoni tal-qasam tas-saħħa. Staqsa dwar il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar jekk il-politika tagħha inbidlitx anke dwar id-djar tal-anzjani. Sejjaħ lill-Oppożizzjoni billi qal li ma jafux għal x’hiex qiegħdin jikkritikaw, “they don’t know what they stand for”, sostna l-Prim Ministru.

16:36 Semma’ l-problema ta’ mediċini out-of-stock u qal li din spiċċat għal kollox filwaqt li semma wkoll in-nuqqas fil-lista ta’ stennija għal ċertu operazzjonijiet “naqset drastikament”.

16:32 Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda dan id-dibattitu billi qal li matul is-snin, is-sistema tas-saħħa ma kinitx qiegħda tlaħħaq mad-domanda tal-iżvilupp fit-teknoloġija. Sejjaħ dan il-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet bħala “kwistjoni ta’ kredibiltà”.

16:05 Jibdew jitressqu il-mistoqsijiet parlamentari.

16:00 Il-Parlament jiftaħ aktar kmini mis-soltu. Is-seduta tal-lum hija l-ewwel waħda minn seduti parlamentari f'dan ix-xahar, li se jsiru bħala prova bejn l-4pm u s-7pm kull nhar ta' Erbgħa, bħala miżura family friendly.