Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“L-iskop tiegħi mhux li nagħti xagħri biss...” – Oriana

Nicole  Borg  -  18/01/18 01:21 PM

Oriana, tfajla Maltija ta’ 28 sena, qalet ma’ Newsbook.com.mt li tixtieq tagħti xagħarha għal kawża ġusta, sabiex tissapportja pazjenti tal-kanċer kemm f’Malta kif ukoll fl-Awstralja.

Kompliet tgħid li huwa tajjeb li tikkontribwixxi bil-flus jew b’volontarjat iżda meta tagħti parti sinifikanti minnek biex tgħin lil ħaddieħor, is-sagrifiċċju personali u l-enerġija li tinvesti fil-missjoni jagħmlu l-esperjenza ta’ valur akbar.

Waqt iż-żmien li ilha tgħix l-Awstralja, Oriana ltaqgħet mal-inizjattiva nazzjonali Awstraljana taħt l-isem ta’ The Worlds Greatest Shave (WGS)

Għal dawn l-aħħar 20 sena, din l-inizjattiva organizzata mill-Fondazzjoni tal-Lukimja fl-Awstralja, tħeġġeġ lin-nies sabiex iqaxxru, jaqtgħu jew jiżbgħu xagħarhom f’ġurnata partikolari fis-sena, sabiex jagħtu sapport lill-pazjenti tal-lukimja.

"Xagħari huwa parti mportanti minni"

Għal Oriana, xagħarha huwa parti mportanti ħafna mill-identita’ tagħha, u tgħid li qed tagħmel dan il-ġest bħala sinjal ta’ solidarjetà ma’ min waqagħlu xagħru minħabba l-kimoterapija. “Irrid nagħti xagħri biex nagħti tama, insaħħaħ il-kunfidenza u nferraħ lil nies li ma jistax ikollhom xagħar minħabba l-kanċer” kompliet tgħid.

Wara li tqaxxar xagħarha fis-16 ta’ Marzu waqt l-avveniment prinċipali f’Federation Square f’Melbourne, Oriana se tibagħtu lil Malta Community Chest Fund (MCCF) sabiex tkun qed tagħti sapport ukoll lill-pazjenti lokali.

Oriana se tibgħat xagħra lill-MCCF

Waqt l-intervista ma’ Newsbook.com.mt, Oriana qalet li se tgħin ukoll lill-MCCF peress li l-iskop tad-WGS mhux essenzjalment li jiġbru x-xagħar, iżda li qabel ma tasal il-ġurnata li l-voluntier iqaxxar xagħru, tintlaħaq is-somma li jkun qed jiġbor il-voluntier fuq il-profil personali tiegħu fuq il-websajt kif ukoll fuq l-applikazzjoni tal-mobile tal-WGS.

In-nies jistaqsu jekk €456 humiex biżżejjed

Bosta nies tkellmu ma’ Oriana u kkummentaw fuq Facebook fejn qalu li t-tfajla Maltija għandha jkollha mira ikbar minn dik ta’ €456 li jammontaw għal $700.

Spjegat kif din il-mira hija biss numru li għażlet biex tkun realistika u li ladarba l-ammont ta’ $700 jintlaħaq tkun tista’ żżid is-somma faċilment. Għaldaqstant tħeġġeġ lil kull min jista’ sabiex jikkontribwixxi għal din l-inizjattiva ta’ karità sabiex jintlaħaq l-ewwel ammont.

Il-flus li jinġabru jmorru sabiex jagħtu l-għajnuna lill-pazjenti li jsofru mil-lukimja u l-melanoma, li huma kanċer fid-demm u fil-ġilda rispettivament. L-għajnuna ssir b’ħafna modi u tinkludi ħlas tal-akkomodazzjoni waqt li qed jieħdu t-trattament, kif ukoll parti sostanzjali tmur għar-riċerka sabiex tinstab il-kura għal dan it-tip ta’ kanċer.

Jekk tixtieq tgħin lil Oriana fil-missjoni tagħha, għamel donazzjoni inti wkoll.