Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Ħames għaqdiet volontarji jirċievu €58,000 kull wieħed

Yendrick  Cioffi  -  18/01/18 10:08 AM

Ħames organizzazzjonijiet volontarji ffirmatwGrant Agreement  biex jirċievu €58,346 mill-fond ta’ kofinanzjament għall-għaqdiet volontarji, li hu amministrat mis-Segretarjat Parlamentari għall-Għaqdiet tal-Volontarjat.

Għajnsielem Redcoats, Cross Culture International Foundation, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Bird Life Malta u l-Malta Regional Development and Dialogue Foundation se jirċievu din is-somma wara li temmew numru ta’ proġetti f’oqsma differenti b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.

B’kollox, dawn l-għaqdiet se jkunu rċevew total ta’ €1,088,987.66, liema ammont jinkludi wkoll is-somma li rċevew mal-approvazzjoni tal-proġett.

Waqt il-preżentazzjoni tal-fondi, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma tagħhom.

Kompla jgħid li fil-futur għandna nħarsu lejn aktar programmi ta’ finanzjament ta’ NGOs. Il-fond ta’ kofinanzjament huwa wkoll intenzjonat biex jgħin lill-NGOs jaċċessaw aktar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.Meta NGO tapplika għal Fondi Ewropej din tkun obbligata li toħroġ persentaġġ mill-ispejjeż tal-proġett. Diversi entitajiet ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex jagħmlu dan.  Għaldaqstant ikollhom problema biex jaċċessaw il-Fondi Ewropej. Għalhekk il-fond tal-Gvern jgħin lil dawn l-NGOs f’dan l-impenn finanzjarju li jkollhom.

Dan il-fond ta’ kofinanzjament huwa limitat għal €150,000 fis-sena u jippermetti l-finanzjament ta’ mill-inqas 20 proġett kull sena. Il-fond qiegħed fuq sejħa kontinwa, għalhekk il-benfiċjarji jistgħu japplikaw matul is-sena għall-finanzjament.