Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Kriżi Katalunja: Jiftaħ il-Parlament u jintgħażel Speaker favur l-indipendenza

Yendrick  Cioffi  -  18/01/18 06:47 AM

Il-Parlament Katalan reġa’ fetaħ wara ġimgħat sħaħ ta’ diskussjoni u polemiċi dwar ir-referendum li sar is-sena li għaddiet u li fih il-Katalani vvutaw favur l-indipendenza minn Spanja.

Fl-ewwel seduta, il-Membri Parlamentari eleġġew lil Roger Torrent bħala speaker. Dan kien wieħed mill-politiċi ewlenin li ħadem favur l-indipendenza.

Il-ħatra tal-Ispeaker hija l-ewwel pass biex il-Katalani jerġa’ jkollhom il-Gvern tagħhom.

Il-partiti li baqgħu dominanti, wara l-elezzjoni ta’ Diċembru, organizzata mill-Gvern Spanjol, huma dawk li ħadmu għall-indipendenza u jridu lil Carles Puigdemont biex jerġa’ jkun il-President.

Minkejja dan, l-eksmexxej Katalan jista’ jiġi arrestat jekk jirritorna mill-Belġju. Huwa kien iddeċieda li jsib refuġju hemm wara li l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy kien impona ordni fuq dan ir-reġjun u xolja l-Parlament Katalan waqt li ordna li ssir elezzjoni bikrika f’Diċembru.

Din l-elezzjoni ntrebħet mill-partiti li jridu l-indipendenza.

Rajoy wissa li jekk Puigdemont jitħalla jmexxi l-Gvern anke ‘mill-eżilju,’ il-Gvern Spanjol mhux se jerġa’ jippermetti li r-reġjun tal-Katalunja jgawdi mill-awtonomija li kellu.

Il-Gvern Spanjol kien ħa l-kontroll ta’ dan ir-reġjun wara li l-Gvern Katalan kien iddikjara l-indipendenza minkejja li r-referendum kien meqjus illegali mill-Qorti Kostituzzjonali Spanjola.