Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Żagħżugħa akkużata li ppruvat issuq għal fuq 7 persuni fil-Ħamrun

Yendrick  Cioffi  -  18/01/18 01:01 PM

Tfajla ta’ 19-il sena, li qed tistenna tarbija, ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata b’attentat ta’ qtil ta’ seba’ persuni meta ppruvat ittajjarhom bil-karozza.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Jannar waqt ġlieda kbira fil-Ħamrun tant li diversi persuni oħra mistennija jitressqu l-Qorti dwar dan il-każ.

It-tfajla qed tkun akkużata wkoll li kkawżat ġrieħi lil erba’ persuni, kissret sitt karozzi, ġarret arma li taqta’ mingħajr liċenzja u kissret il-paċi pubblika.

Kienet akkużata wkoll li ffastidjat żewġ persuni u għamlet użu ħażin mill-mezzi tal-kommunikazzjoni.

L-avukati tad-difiża, Arthur Azzopardi u Franco Debono talbu għall-ħelsien mill-arrest. Arthur Azzopardi saħaq li t-tfajla x’aktarx li twelled waqt li qed tinżamm arrestata iżda insista li mhux qed juża t-tarbija bħala skuża.

Apparti minn hekk, saħqu li t-tfajla tieħu ħsieb lil ommha marida bil-kanċer fid-dar tagħha skont skema tal-Gvern u din se tispiċċa mingħajr persuna li tieħu ħsieba.

Il-Maġistrat Mifsud saħaq li l-ommijiet għandhom id-dmir li jevitaw sitwazzjonijiet perikolużi bħal din il-ġlieda. Dwar il-pazjenta tal-kanċer, il-Maġistrat saħaq li dan kellu jpoġġi responsabbilita akbar fuq l-akkużata.

It-tfajla kienet weġġgħet waqt din il-ġlieda u kienu ddaħlu l-isptar xi tfajliet oħra u anke tarbija ta’ ftit xur.

Filwaqt li ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat talab lid-direttur tal-ħabs biex jagħtiha l-assistenza kollha li hemm bżonn.