Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: Joseph Muscat jiċħad botta tal-BBC li qisu karattru f'Dickens

Charmaine  Attard   -  09/01/18 12:18 PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad l-akkuża ta’ ġurnalist tal-BBC li hu the artful dodger of Europe, frażi interpretata bħala persuna li titbissimlek imma timmanipula lil dak li jkun b’makakkerija.

F’intervista waqt il-programm Newsnight fuq il-BBC, mill-ġurnalist veteran John Sweeney, Dr Muscat tbissem u qal li jekk din hi l-akkuża fil-konfront tiegħu, hu definittivament mhux ħati. Iddeskriva l-akkuża bħala ‘tad-daħk”.

Għalkemm meta semma l-Artful Dodger Sweeney ma speċifikax li qed jagħmel referenza għall-karattru fil-ktieb ta’ Charles Dickens Oliver Twist,ftit hemm dubju li huwa dak li kellu f’moħħu.Id-dodger kien tfajjel gustuż li jitbissem ħafna iżda kien jisraq lin-nies minn taħt imneħirhom mingħajr ma jindunaw. L-Artful Dodger kien il-kap ta’ tfal kriminali li kienu mħarrġa minn Fagin.

Biex iwieġeb din il-mistoqsija, il-Prim Ministru għadda biex jiftaħar bl-istorja suċċess tal-Gvern tiegħu, u li fi kliemu ma tinżilx tajjeb ma’ pajjiżi oħra.  Sostna li s-suċċess fil-pajjiż se jibqa’ u għal żmien twil.

Assassinju Daphne: “Ma jidhirx tajjeb fuqi, għax kienet kritika ħafna tiegħi”

Dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hu qal li  dan ma jirriflettix tajjeb fuqu u liġara dak li l-ebda Prim Ministru ma jkun irid li jsir taħt it-tmexxija tiegħu.Semma kif fil-kitba tagħha kellha kritika qawwija fil-konfront ta’ ħafna nies, u li jemmen li hu kien fil-quċċata tal-lista tagħha.  Madanakollu, Muscat irrimarka li minbarra familtha, jekk hemm persuna li batiet minn dan l-assassinju, kienet “aħna”.

X’kien qed jagħmel il-Prim Ministru ġimgħa wara li seħħ l-assassinju?

Joseph Muscat iwieġeb li ma jiftakarx, iżda Sweeney ifakkru li kien qed “ibigħ il-passaporti”.

Il-Prim Ministru jgħidlu li l-Gvern Malti ma jbigħx passaporti, imma li għandu sistema u programm bħal xi ġuriżdizzjonijiet oħra Ewropej, li permezz tagħhom wieħed jista’ jinvesti f’Malta, ikollu residenza u anke ċittadinanza.

Stqarr li dawn “il-passaporti” qed jinxtraw minn diversi persuni sinjuri, għalkemm fi kliemu li tkun sinjur ma jfissirx li jkollok id-dritt għaċ-ċittadinanza.

X’relazzjoni hemm bejn il-familja tal-Prim Ministru u l-familja tal-mexxej tal-Ażerbajġan?

Il-Prim Ministru jgħid li hu ltaqa’ mal-President Aliyev, darbtejn f’Baku u numru ta’ drabi oħra waqt summit Ewropew dwar sħubija mal-pajjiżi tal-Lvant.

“Is-Sinjura Aliyeva ġiet Malta darba u ltaqgħet ma’ marti. Dik hi r-relazzjoni, xejn iżjed”, żied jgħid Dr Muscat.

Madanakollu, il-ġurnalist ikun pront u jgħidlu li skont il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hemm aktar minn hekk, u jsemmilu “miljuni ta’ dollari”.

Joseph Muscat jistqarr li ma jaħsibx li tista’ taħbi miljuni ta’ dollari, “lanqas 100 dollaru – definittivament mhux f’bank, jew xi mkien ieħor”.

Malta għandha problema ta’ ħasil tal-flus?

Joseph Muscat jisħaq li ma jistax jgħid jekk hemmx problema jew le, u li Malta għandha problemi daqs kull ġuriżdizzjoni oħra biex tassigura li tobdi r-regoli.

Filwaqt li qal li jinsab f’sitwazzjoni skomda li jikkritika lil xi ħadd li nqatel brutalment, stqarr li jispera li “m’aħniex f’sitwazzjoni fejn f’demokrazija s-sitwazzjoni hi tali li jekk xi ħadd jikteb fuq il-midja soċjali, jitqies bħala fatt”.

Fisser li qara kull ma kitbet Daphne Caruana Galizia dwar l-allegat trasferiment ta’ $1miljun mill-Ażerbajġan għall-kont f’isem martu, u li ma jaqbilx mal-evidenza li tat Caruana Galizia.

Fi kliemu “m’hemmx ħjiel ta’ prova, aħseb u ara ta’ verità f’dak li qalet dwar dan”.  Tenna dak li ilu jgħid, li jekk ikun hemm l-iċken ħjiel, jirriżenja mill-ewwel.

Dr Muscat qal li ma jafx jekk Caruana Galizia bbażatx l-informazzjoni fuq dik li fi kliemu sejħet lilha nnifisha whistleblower, u li skontu r-rakkont tagħha huwa dubjuż.

Irrimarka li Daphne Caruana Galizia kitbet fatti li kienu jaqtgħu miż-żewġ naħat, imma fi kliemu dawn kienu akkumpanjati minn materjal falz.

Dr Muscat qal li ma jafx, jekk il-ġurnalista kinitx taf li dak li qalet fil-konfront tiegħu kien falz; jekk kinitx parti mill-invenzjoni; jew inkella ġietx mitmugħa l-istorja mill-whistleblower jew xi ħaddieħor li ried dik in-narrattiva.

Hawnhekk il-Prim Ministru, ried jgħid li l-istorja setgħet“dehret too good not to be true”; imma fl-ewwel attentat biex jgħid din il-frażi qal “too true”, li ħafna fuq il-midja soċjali interpretawha bħala Freudian slip.

Fuq il-midja soċjali ħafna kkummentaw ukoll dwar il-kuntrast bejn il-lingwaġġ mhux verbali tal-Prim Ministru u dak tal-ġurnalista tal-BBC. Tal-aħħar kien il-ħin kollu b’bixra serja ħafna waqt li l-Prim Ministru deher jitbissem kemm-il darba.

Filmat mislut minn Newsnight tal-BBC