Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Is-sistema tas-sewqan bil-punti tgħin lill-kumpaniji” - Gvern

Stefan  Pullicino  -  13/02/18 05:59 PM

Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li s-sistema tat-tnaqqis tal-punti fis-sewqan hija maħsuba wkoll biex taġevola lil sidien ta’ kumpaniji li għandhom karozzi f’isimhom.

Intqal li bħalissa hemm 25,000 persuna mis-settur kummerċjali li huma reġistrati fuq sistema onlajn li tikkontrolla aħjar is-sistema tal-punti f’każijiet ta’ ċitazzjonijiet fuq vetturi li ma jkunux misjuqa minn sidhom.

Il-Gvern iċċara li l-punti jitnaqqsu dejjem fuq is-sewwieqa b’mod dirett, ħlief fil-każ meta vettura tinqabad minn speed camera. F’dawn il-każijiet, ġie spjegat li ċ-ċitazzjoni toħroġ f’isem sid il-vettura, li iżda għandu d-dritt jagħti l-isem ta’ min kien qed isuq il-vettura fil-ħin li twettqet il-kontravenzjoni.

Din id-dikjarazzjoni trid tkun iffirmata kemm minn sid il-vettura, kif ukoll mis-sewwieq li kien qed isuq fil-ħin partikolari tal-kontravenzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, id-dikjarazzjoni tista’ timtela’ xorta mill-kumpanija u wara, ix-xufier jissejjaħ bħala xhud fit-tribunal.

B’referenza għal xi kummenti li ħarġet fl-aħħar jiem il-GRTU dwar kif din is-sistema tal-punti qed titħaddem fil-konfront ta’ kumpaniji, il-Gvern qal li permezz tas-sit les.gov.mt, persuna tista’ tirreġistra l-karozzi kollha li jaqgħu taħt isimha. Qal li fuq din is-sistema qed jiġu reġistrati mat-385 sewwieq ġdid fil-ġimgħa.

Jekk karozza tinkera għal perijodu twil, sid il-karozza jista’ wkoll jissotometti dikjarazzjoni li fiha jgħid meta u lil min il-karozza nkriet. B’hekk it-tnaqqis fil-punti jmorru direttament fil-konfront tas-sewwieq partikolari.

Il-Gvern iċċara li fuq l-istess sit, persuna tista’ tħallas ċitazzjoni, tissottometti petizzjoni, kif ukoll tkun infurmata b’SMS jew email li vettura reġistrata fuq isimha qalgħet kontravenzjoni.