Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Kissritli l-familja” – vittma ta’ frodi li tilef l-eluf

Christoph  Schwaiger  -  13/02/18 09:33 AM

Raġel li kien il-vittma ta’ każ ta’ frodi qal fil-Qorti li l-akkużata kissritlu l-familja wara li kkonvinċietu jinvesti f’kumpanija tad-deterġenti, investiment li kien wieħed falz.

Diversi membri tal-istess familja qalu fil-Qorti kif mara ta’ 35 sena allegatament daħqet bihom u ħaditilhom madwar €100,000. Hi qaltilhom biex jinvestu f’kumpanija tad-deterġenti.

Wieħed mill-vittmi qal li din il-mara kissritlu l-familja. Hu kien ħallasha €3,000 wara li skopra li xi familjari tiegħu kienu għamlu l-istess. Il-mara kienet qaltlu li se jkun qed jagħmel profitt, imma dawn il-flus qatt ma rahom.

Is-sieħba tar-raġel qalet fil-Qorti li kienet tat €10,000 lil din il-mara li kienet eks kollega ta’ oħtha. Minn dawn il-flus, hi rnexxielha ġġib lura €3,000 minnhom. F’ġurnata oħra l-akkużata talbitha €1,000 għax allegatament kellha bżonnhom għall-festin tal-magħmudija tat-tifla tagħha.

Xhud oħra fil-każ spjegat li kienet tat €47,000 lill-mara ta’ 35 sena wara li din tal-aħħar ikkonvinċietha biex tinvesti f’kumpanija tad-deterġenti. Hija qalet li rnexxielha ġġib lura €36,000 mill-flus.

Raġel ieħor li jiġi mix-xhud qal fil-Qorti li kien ħallas €30,000 lill-akkużata bħala investiment fl-istess kumpanija tad-deterġenti. Huwa ġab lura €1,500 minnhom. Oħtu kienet investiet €5,000, li minnhom ħadet lura €250.

Il-każ mistenni jkompli jinstema’ matul din il-ġimgħa.