Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Aktarx li kollox jista' joqgħod f'Ħal Far - Il-Perit Reuben Abela

Sylvana Debono  -  13/02/18 06:05 PM

Il-Perit Reuben Abela, mill-NGO Wirt Żejtun, qal fuq il-programm Follow Up li sit alternattiv għall-estensjoni ta’ żona industrijali jista jkun il-qasam industrijali ta’ Ħal Far.

Huwa qal dan meta kien qed jitkellem dwar il-proposta li l-Gvern qed jagħmel biex jestendi ż-żona industrijali ta’ Bulebel. Huwa qal li l-għaqda laqgħet b'sodisfazzjoni il-kliem tal-Prim Minsitru li lest li jikkunsidra alternattivi għal din l-estensjoni.

Il-Perit Abela qal li b’riorganizzazjoni tal-qasam ta’ Ħal Far u mmanniġġjar aħjar, jemmen li l-120,000 metru kwadru meħtieġa għal espansjoni jistgħu jidħlu fil-qasam ta’ Ħal Far flok ma tittieħed art verġni f’Bulebel.

Huwa qal li filwaqt li Ħal Far kien l-anqas popolari fost l-oqsma industrijali minħabba li kien jitqies li huwa imwarrab, illum dan huwa fuq l-għatba tal-Port Ħieles.

Il-qasam industrijali ta’ Bulebel, wieħed mill-oqsma industrijali oriġinali li kienu ppjanati u mibnija fis-snin sittin u sebgħin, jinsab f’żona li llum sar magħruf kemm hija għanja arkeoloġikament u kulturalment.

F’dawn l-inħawi mhux biss instabu ċimiterji sħaħ ta’ żminijiet klassiċi, jiġifieri Puniċi, Rumani u tal-Insara bikrin imma hemm ukoll fdalijiet taż-żminijiet medjevali kif ukoll indikazzjonijiet ċari ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Il-PN ma jaqbilx li jiġi estiż il-qasam industrijali f'Bulebel

Il-Partit Nazzjonalista qal li ma jaqbilx li 120,000 metru kwadru t’art agrikola f’Bulebel tinqered biex flokha jiġi estiż il-qasam industrijali.

Il-kelliema Nazzjonalisti Jason Azzopardi, Marthese Portelli u Edwin Vassallo qalu li l-Gvern mhux jgħid il-verità kollha meta jgħid li l-art hija identifikata għall-iżvilupp industrijali.

Qalu li l-pjan strateġiku għall-ippjanar nazzjonali jgħid ċar li għandu jsir studju tal-impatt qabel din l-art tiġi żviluppata.

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni din l-art tmur kontra l-pjani lokali u  tfisser telfa għall-bdiewa li jaħdmu din l-art u telfa għall-komunità taż-Żejtun.

Il-PN talab biex il-Gvern ibiddel id-deċiżjoni tiegħu u jgħid jekk wettaqx l-istudju meħtieg, jippubblikah u jgħid min għamlu.

Apparti minn hekk il-Partit Nazzjonalista saqsa jekk din l-art hix diġà mmarkata mill-Gvern għal kumpaniji li jridu jiġu Malta jipproduċu l-mediċina mill-kannabis.

Ritratt tal-art ħdejn iż-żona industrijali f'Bulebel: Ian Noel Pace