Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: Jibqa' jiġġustifika, imma jammetti li bad taste

Christoph  Schwaiger  -  13/02/18 07:25 PM

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri kompla jiġġustifika dak li qal dwar il-vann li ħoloq polemika fil-Karnival tan-Nadur, minħabba li kellu miktub fuqu kliem bħal “Mount Carmel, Crazy, Patients”.

Minkejja li ġġustifika dak li kiteb fuq Facebook, huwa kien neħħa l-kumment ftit tal-ħin wara.  Dwar l-istess vann ma kellhomx l-istess reazzjoni l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli u diversi għaqdiet li jaħdmu ma’ persuni b’mard mentali.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Camilleri insista li wieħed irid iqis li dan seħħ fil-kuntest tal-Karnival, minkejja li ammetta li “kien in bad taste” u kkundanna kliem bħal dan.

Filwaqt li stqarr li l-kliem fuq il-vann, “forsi ma kienx kliem xieraq", qal li wieħed irid jifhem li x’aktarx kienu tfal Nadurin li għamlu ħajjithom fil-Karnival li kienu żebgħu dak il-kliem.

Camilleri qal li bħala Gvern irid ikun hemm aktar ħidma biex tingħata l-għajnuna b’rabta mas-saħħa mentali lil kull min għandu bżonn.

Madanakollu, minkejja li qal li huwa aktar serju l-każ taż-żagħżugħ li ħarab minn l-Isptar Monte Karmeli u wara nstab mejjet, Clint Camilleri ma kkummentax fuq dan il-każ fuq il-midja soċjali.

“In-nanna tiegħi kienet tbati mid-dimensja”

Ma’ Newsbook.com.mt, Camilleri qal li n-nanna tiegħu kienet tbati mid-dimensja, allura żgur li bl-ebda mod ma ried iweġġa’ lil xi ħadd jew jonqos mir-responsabbilità tiegħu.

Clint Camilleri qal li ma jafx ta’ min hu l-vann inkwistjoni.  

Intant, l-għaqda Awturi ta’ Malta Ġdida deskriviet il-kummenti li għamel fuq il-midja soċjali Clint Camilleri bħala “insensittiv”. Intant dawn il-kummenti tneħħew mill-paġna tal-Facebook tiegħu.

L-Awturi appellaw ukoll biex l-istat tas-saħħa mentali f’Malta jiġi diskuss b’mod urġenti.

Huma qalu li wara l-polemika li qamet minħabba l-vann, Camilleri ddefenda l-karru minflok ma kkundanna l-azzjoni. L-għaqda żiedet tgħid li “dan li ġara huwa evidenza ta’ kemm għadha problematika l-istigma fuq is-saħħa mentali fis-soċjetà”.

Huma faħħru lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli “talli tkellmet kontra din l-imġiba krudili”.