Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Il-President tal-Afrika t’Isfel Jacob Zuma mitlub jirriżenja

Christoph  Schwaiger  -  13/02/18 06:37 AM

Il-partit ANC fl-Afrika t’Isfel se jkun qed jagħmel talba formali biex il-President Jacob Zuma jitneħħa wara li rrifjuta li jirriżenja.

Skont il-midja internazzjonali, jekk Zuma, li għandu 75 sena, jibqa’ ma jagħtix widen lil dawn it-talbiet, se jkun qed jittieħed vot ta’ kunfidenza fil-Parlament, vot li Zuma mistenni jitlef.

Zuma ilu jirreżisti pressjoni biex jirriżenja sa minn Diċembru li għadda meta Cyril Ramaphosa laħaq bħala l-Kap tal-ANC minfloku.

Għadu mhux magħruf kif Zuma se jkun qed jirreaġixxi għat-talba formali tal-ANC li mistennija ssir illum.

Huwa ilu fil-poter mis-sena 2009 u qed jiffaċċja għadd ta’ akkużi ta’ korruzzjoni. Fl-2016, il-Qorti kienet sabet li Zuma ma kienx mexa mal-kostituzzjoni peress li ma ħallasx lura flus tal-Gvern li ntefqu fuq id-dar privata tiegħu. Fl-2017, il-Qorti tal-Appell qalet li Zuma jrid jiffaċċja 18-il akkuża ta’ korruzzjoni, frodi, u ħasil tal-flus fost akkużi oħrajn.