Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​L-għomor għal Wied Għomor?

Christoph  Schwaiger  -  13/02/18 11:02 AM

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li llum jaf ikun ġurnata ta’ sfortuna għal Wied Għomor hekk kif se jkun hemm l-aħħar smigħ kontra liż-żvilupp li kien propost li jsir.

Fi stqarrija, l-FAA qalet li wara l-aħħar smigħ it-Tribunal se jiddeċiedi jekk għandux ibiddel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar biex tinbena dar tal-anzjani, stabbiliment tal-ikel, u triq minn San Ġwann li tgħaddi mill-wied lejn il-Ġnien Victoria.

Skont l-FAA ż-żona li fiha huwa propost l-iżvilupp tinsab parzjalment f’barriera li hija parti miż-żona protetta. L-għaqda qalet li bħala l-unika żona ħadra miftuħa f’dan ir-reġjun, il-wied ta’ sikwit jiffaċċja applikazzjonijiet għall-iżvilupp, minkejja li suppost huwa protett.

L-FAA temmet tappella lill-Awtoritajiet biex isegwu d-deċiżjoni oriġinali tal-Awtorità tal-Ippjanar u biex tiġi tapplikata l-politika b’rabta mal-protezzjoni ta’ Wied Għomor.

Fi stqarrija, il-Front Ħarsien ODZ ukoll kien sejjaħ lit-tribunal biex jikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Front qal li d-deċiżjoni tal-Bord tal-PA tirrifletti l-kunsens li hemm fis-soċjetà ċivili kontra l-iżvilupp f’wieħed mill-ftit pulmuni ħodor li baqa’ f’din iż-żona. Il-Front kien talab lill-Gvern biex jintervjeni u biex ma jingħatawx permessi ta’ żvilupp fuq art pubblika fiż-żona.

Ritratt: Photomontage tad-dar tal-anzjani