Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Panama Papers: Deċiżjoni parzjali mistennija ġimagħtejn oħra

Christoph  Schwaiger  -  13/02/18 12:51 PM

Ġimagħtejn oħra l-Qorti Kostituzzjonali għandha tiddeċiedi dwar jekk hix ammissibli l-evidenza li pprovda l-Partit Nazzjonalista li tgħid li d-dritt tiegħu għall-smigħ ġust ma tħarisx wara li Maġistrat ma riedx jirtira milli jisma’ każ li fih jista’ jkun li jkollu interess.

Il-każ tar-rekuża tal-maġistrat Antonio Mizzi mill-każ b’rabta mal-Panama Papers kompla jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joseph Zammit Mackeon.

Is-seba’ persuni li dwarhom jista’ jkun hemm inkjesta huma l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, in-negozjant Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri, u Adrian Hillman. Is-sebgħa li huma appellaw mid-deċiżjoni kontra l-inkjesta. L-appell kien se jinstema’ quddiem il-Maġistrat Antonio Mizzi li huwa r-raġel tal-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista Marlene Mizzi.

L-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jargumenta li m’għandux ikun il-Maġistrat Mizzi li jisma’ l-każ minħabba dan il-fatt u peress li Marlene Mizzi kienet esprimiet opinjoni pubblika dwar il-Panama Papers.

Mizzi rriffjuta milli jirrikuża lilu nnifsu u għalhekk Busuttil għamel talba formali biex Mizzi jitneħħa mill-każ.

L-avukati tad-difiża qalu li l-argumenti li tqajmu quddiem il-maġistrat Mizzi ma kienux relevanti. Huma qalu li xi dokumenti b’rabta mal-każ mhumiex ammissibbli. Talbu biex id-dokumenti jitneħħew mill-atti ta’ proċedura.

L-avukat ta’ Busuttil qal li din it-talba kienet waħda “frivoli” u li d-difiża qed tħawwad l-affarijiet għal t’apposta. Qal li dokument minnhom jinkludi traskrizzjoni li turi li l-Maġistrat Mizzi qal kemm il-darba li l-argument għar-rikuża tiegħu kienet waħda irritanti. Dwar l-aħbarijiet li juru x’qalet il-mara ta’ Mizzi fil-Parlament Ewropew, l-avukat iddeskrivihom bħala essenzjali ħafna.

Id-deċiżjoni tal-Qorti mistennija ssir fis-27 ta’ Frar.