Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Żewġ saċerdoti maqtula fil-Messiku

.     -  13/02/18 12:00 PM

L-Arċidjoċesi ta’ Acapulco fil-Messiku rrappurtat li żewġ saċerdoti nqatlu fis-sigħat bikrin tal-5 ta’ Frar.

Fr. Ivan Anorve Jaimes, Kappillan tal-Parroċċa tas-Sagra Familja, u Fr. Germain Muniz Garcia, Kappillan ta’ Mezcala, inqatlu waqt attakk minn persuni mhux identifikti fil-belt ta’ Taxco.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, intqal li ż-żewġ vittmi kienu qed jivjaġġaw b’karrozza fuq highway bejn Iguala u Taxco meta qabżithom karrozza li minnha kienu sparati tiri lejhom u baqgħet sejra.

Fi stqarrija oħra, l-Arċidjoċesi ta’ Acapulco qalet li “Bħala Knisja aħna inkwetati ferm b’dan l-avveniment traġiku, u l-komunita kollha hi mnikkta b’dak li ġara. Għalhekk nappellaw lill-awtoritajiet li meta jsiru magħrufa l-fatti kollha, issir ġustizzja”.

L-Arċidjoċesi ta’ Acapulco, barra li għamlet talb speċjali għal ruħ iż-żewġ saċerdoti maqtula, appellat ukoll biex isir talb “għall-konverżjoni ta’ dawk li nsew li aħna lkoll aħwa, wettqu dan id-delitt li jferi d-dinjità tal-persuna umana għax jisraq ir-rigal tal-ħajja u jikkaġuna ħafna uġigħ u sofferenza kemm fil-familja tal-vittmi kif ukoll fil-komunità”.

“Ejja ma niqfux fl-isforzi tagħna biex nibnu l-paċi fil-familji tagħna, fil-komunità, fl-istat li ngħixu fih u fil-pajjiż kollu. Ejja nitolbu 'l Alla għall-paċi, kuljum”, temmet l-istqarrija tal-Isqfijiet tad-djoċesi.