Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Żgħażagħ f’Hong Kong jappoġġjaw lill-Kardinal Zen fil-kritika lill-Vatikan dwar iċ-Ċina

.     -  13/02/18 05:00 PM

Żgħażagħ Kattoliċi f’Hong Kong qed jiktbu fuq Facebook biex juru l-appoġġ tagħhom lill-Kadinal Joseph Zen Ze-kuin wara li dan ikkritika 'l Vatikan li qed iħejji biex iċedi għall-pressjoni tal-Partit Komunista Ċiniż fost spekulazzjoni li se jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat dwar il-ħatra tal-isqfijiet.

Disinjatur minn Hong Kong ħoloq frejm li fil-qiegħ tiegħu hemm ħames ittri biċ-Ċiniż. Min juża l-Facebook jista’ juża dan il-frejm u jpoġġi fih l-istampa li jrid, tal-Kardinal, tagħhom stess jew stampi oħra u jikteb il-kumment li jixtieq.

Il-ħames ittri jittraduċu fil-kliem “Aħna nappoġġjaw lill-Kardinal Zen”.

Il-Kardinal Zen hu kritiku ħafna għall-mod kif il-Vatikan qed jimxi fit-taħditiet mal-awtoritajiet Ċiniżi u qed isostni li l-problemi tal-Knisja fiċ-Ċina huma tempesta li wieħed irid jiġġildilha. “Aħna mhux se nibżgħu minn din it-tempesta għax nemmnu f’Alla”, kiteb il-Kardinal.

Il-Kristjaneżmu ssaħħaħ fiċ-Ċina mit-tmien seklu 'l hawn iżda fl-1949 meta l-Komunisti telgħu fil-poter, il-missjunarji tkeċċew kollha. 

Fl-aħħar snin, il-Vatikan u ċ-Ċina ħolqu sitwazzjoni skomda bejniethom filwaqt li l-Gvern ta’ Beijing baqa’ jwaqqa’ l-knejjes u jiddetta liema  minn fost il-qassisin favur il-Gvern għandu jinħatar u jsir isqof.

F’dan l-aħħar snin, iż-żgħażagħ f’Kong Kong urew li mhux qed jibżgħu u mhux se jħallu lill-Gvern Ċiniż jagħlqilhom ħalqhom minkejja li l-pajjiż reġa’ waqa’ taħt il-kontroll taċ-Ċina.

Proprju din il-ġimgħa, Qorti tal-Appell illiberat tliet attivisti li kienu akkużati li fl-2014 mexxew dak li baqa’ jissejjaħ bħala l-Moviment ta’ Protesta, f’dan it-territorju.

Min-naħa tiegħu l-Kardinal Zen qal li ż-żgħażagħ mhumiex siekta u hu ma setax iwaqqafhom milli juru l-fehma tagħhom la fil-konfront tal-Vatikan u anqas fil-konfront taċ-Ċina.

Il-kardinal, li llum hu rtirat, qal li anke persuni anzjani f’Hong Kong ma jaqblux mal-passi tas-Santa Sede. Qal li riċentement mar iqaddes f’Katidral u wara l-quddiesa ħafna resqu fuqu u qalulu “Aħna nappoġġjawk”.

Mara ta’ 36 sena minn Hong Kong qalet li kienet tamira l-kuraġġ tal-Kardinal Zen u kif jitkellem bla biża’.

“Is-Santa Sede ma tifhimx lill-Kattoliċi ta’ Hong Kong u s-sitwazzjoni tal-Knisja fiċ-Ċina. Issa donnu anke l-Papa irid jasal f’kompromess mal-Gvern Ċiniż. Il-Kardinal Zen hu l-uniku wieħed li qed isostni l-konvinjonijiet tiegħu b’kuxjenza u jgħid il-verità”.

Raġel ieħor qal li l-Knisja Kattolika għandha reputazzjoni qawwija bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet personali, u anke organizzat protesti mhux vjolenti biex tirreżisti reġimi awtokratiċi f’postijiet bħall-Polonja, il-Korea t’Isfel u l-Filippini.

Imma issa qed jibża’ li l-ftehim bejn il-Vatikan u ċ-Ċina se jdgħajjef il-prestiġju morali tal-Knisja.