Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Mafkar għal Daphne mistħoqq; simbolu tal-libertà tal-espressjoni” - MEP

Nicole  Borg  -  14/02/18 03:09 PM

Iċ-Ċerpersin tad-Delegazzjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew (CULT) Petra Kammerevert, saħqet li l-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia huwa mistħoqq u li hija idea tajba li qed tiġi mfakkra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Kammerevert, li tinsab Malta bħala parti mid-delegazzjoni li qed iżżur Malta għall-Valletta 2018, il-Kapitali tal-Kultura, sostniet li l-mafkar m’għandux biss jirrappreżenta lill-ġurnalista, iżda għandu jkun simbolu tal-libertà tal-espressjoni u l-valuri Ewropej.

Kompliet tgħid kif assassinju ta’ dan it-tip għandu jkun ta’ inċentiv għall-pajjiżi Ewropej sabiex jipproteġu l-libertà tal-midja u tal-kelma.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Kammerevert qalet li mhix xi ħaġa li jindaħal fiha l-CULT, speċjalment għax mhux mgħarraf bid-dettalji tas-sitwazzjoni u għaldaqstant għandha tkun xi ħaġa li tiġi deċiża mill-Gvern u l-Belt.

Iċ-Ċerpersin tad-Delegazzjoni esprimiet it-tama li ssir ġustizzja.

“L-iktar attivita li laqtitna hija dik li ġabret flimkien it-tfal u ż-żgħażagħ”

Waqt il-konferenza, id-Delegazzjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kultura saħqet li huwa impressjonanti kif Malta rnexxielha tiġbor flimkien tfal, żgħażagħ u anzjani.

Kammerevert qalet li waħda mill-aktar attivitajiet li ħalliethom impressjonati kienet dik li għaqdet lill-anzjani maż-żagħżagħ sabiex terġa’ tingħata l-ħajja lil-logħob tradizzjonali Malti.

Hi saħqet li dawn it-tip ta attivitajiet iżommu l-kultura ta’ kwalunkwe pajjiż ħajja filwaqt li joffru kenn u forma ta’ integrazzjoni għall-anzjani fis-soċjetà.

Filwaqt li faħħret il-klassi ta’ xogħol kulturali li qed isir f’Malta fis-sena fejn il-Belt Valletta hija l-Belt kulturali tal-Ewropa, insistiet li hemm bżonn bidla fil-mentalità fejn tidħol il-kultura.

Kammerevert kompliet tgħid kif f’bosta pajjiżi madwar id-dinja ħarġa f’teatru jew ċinema, speċjalment meta din il-ħarġa tkun organizzata minn skola, ma tiġix apprezzata.

Għaldaqstant tisħaq li dawn it-tip ta’ ħarġiet kulturali jagħtu lok għat-tfal biex jitilgħu jħobbu u jifhmu l-kultura tal-pajjiż.