Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Tawh ġimgħa ċans biex biegħ dak li seraqli”

Josianne  Camilleri  -  14/02/18 06:40 PM

Żagħżugħa li sfat vittma ta’ ħalliel f’Paceville tgħid li l-pulizija damu ġimgħa m’arrestawh avolja setgħu ġabru l-filmat mill-ewwel minn ħanut qrib fejn seħħ il-każ.

Is-serqa seħħet bejn is-Sibt u l-Ħadd ta’ ġimgħatejn ilu.

Fil-filmat tas-CCTV, iż-żagħżugħa tidher bilqiegħda aljenata meta r-raġel ħadilha l-basket li, fost l-oħrajn, kien fih mowbajl ta’ €700, il-liċenzja tas-sewqan bl-indirizz tad-dar u ċ-ċwievet tad-dar.

Iż-żagħżugħa tgħid li għalkemm għamlet rapport mill-ewwel fl-għassa u t-Tnejn filgħodu infurmathom li hemm filmat min ħanut fil-qrib u għamlet talba formali bil-miktub, dan il-filmat dam ma nġabar. Fil-fatt il-ħalliel ġie arrestat il-Ħadd tal-ġimgħa ta’ wara.

“Tawh ġimgħa ċans biex kellu ċans ibiegħ kull ma seraq u jagħmel ġimgħa oħra btala f’Malta qabel imbagħad tressaq il-qorti bl-għajnuna legali,” spjegat omm iż-żagħżugħa ma’ Newsbook.com.mt.

"Sirna nafu mill-gazzetti li ressquh il-Qorti"

Kompliet li wara jiem sħaħ mingħajr informazzjoni dwar x’ġara mill-każ, saru jafu mill-ġurnali li l-pulizija ressqu l-qorti raġel mill-Ġorġja li ammetta li seraq u ngħata sentenza sospiża għal sentejn, filwaqt li mistenni jiġi deportat.

Spjegat li ma taffordjax tqabbad avukat biex tfittex lill-ħalliel għad-danni u tħossha diżappuntata u rrabjata.

Qalet li minbarra li t-tifla baqgħet mingħajr l-affarijiet li serqilha, hi spiċċat kellha tibdel is-serratura tal-bieb tad-dar bil-biżgħa kontinwa li tista’ ssib ħalliel wara biebha.

Filwaqt li tittama li ħadd ma jgħaddi minn din it-trawma, tappella biex is-sistemi tal-ġustizzja jiġu aġġornati biex il-vittmi ma jkomplux ibatu intortament.

Nhar il-Ħadd li għadda, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija dwar il-proċedura ta' kif jinġabru u jiġu proċessati l-filmati f'każ ta' serqa.