Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Arċisqof ġdid fil-Pakistan irid jaqdef għall-paċi fil-pajjiż

.     -  14/02/18 05:00 PM

Mons. Joseph Arshad, fl-10 ta’ dan ix-xahar, inħatar Arċisqof tal-kapitali tal-Pakistan, Islamabad-Rawalpindi.

Islamabad ilha mingħajr Arċisqof mill-2016 wara li miet l-Isqof Rufin Anthony.

Arshad qabel kien Isqof f’Faisalabad imma issa l-Papa tah it-titlu ta’ Arċisqof.

Din id-djoċesi tkopri  aktar minn 68,000 mil kwadru b’popolazzjoni ta’ 36 miljun persuna li minnhom madwar 175,000 biss huma Kattoliċi. In-numru ta’ saċerdoti hu żgħir wisq biex ikopri d-djoċesi kollha. Jeżistu ħafna gruppi etniċi u l-Arċisqof qal li hu jrid jaħdem ma’ kulħadd biex ikun hemm il-paċi u l-armonija.

L-Insara fil-Pakistan jirrappreżentaw 2% biss tal-popolazzjoni u jlaħħqu għal madwar 2.5 miljun persuna, f’dan il-pajjiż predominantement Musulman, li sfortunatement fl-aħħar 30 sena ra mewġa kbira ta’ estremiżmu.

L-Insara u minoritajiet reliġjużi oħra huma f’riskju għax skont il-liġijiet tal-pajjiż kull min ikun akkużat li nsulta 'l Iżlam jista’ jkun ikkundannat għall-mewt.

Għalkemm ma kienet eżegwita ebda sentenza tal-mewt għal akkużi bħal din, iżda dawk hekk akkużati ħafna drabi jisfgħu maqtula mill-marmalja.

L-Arċisqof qal li l-pajjiż għandu bżonn il-paċi u l-mexxejja politiċi u reliġjużi jridu jaħdmu flimkien biex jikkumbattu t-terroriżmu u jġibu l-paċi u l-armonija fis-soċjetà Pakistana.

Mons. Arshad studja fl-Università Pontifiċja f’Ruma u għamel ħafna snin fil-Korp Diplomatiku tal-Vatikan.  Irritorna lejn il-Pakistan meta l-Papa Franġisku ħatru Isqaf f’Faisalabad.

F’Novembru tas-sena l-oħra nħatar President tal-Konferenza Episkopali tal-Pakistan.