Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Ministru Scicluna jgħid li min is-sena l-oħra kien fqir, dis-sena qed jieħu vaganza

Mill-Parlament     -  14/02/18 09:04 PM

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal fil-Parlament li l-faqar naqas tant li min sas-sena l-oħra kien jaqlagħha u jiekolha issa qed jibqagħlu flus biex jixtri affarijiet ohra fosthom għall-ħwejjeġ jew jieħu xi vaganza.

Il-Ministru kien qed jitkellem fit-tmiem tad-dibattitu dwar l-estimi finanzjarji tal-Baġit ta’ din is-sena.

Scicluna ħabbar fil-Parlament li l-Gvern determinat li jissokta bil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment (IIP) wara s-suċċess inizjali minn meta kien varat. Huwa qal li minkejja li l-Oppożizzjoni ippruvat tisfratta kollox b’tattiċi li hu ddeskriva bħala intimidatorji, l-IIP kellu impatt pożittiv fuq l-finanzi tal-pajjiż. Madanakollu qal li l-aqwa ċertifikat ingħata mill-Fond Monitarju Internazzjonali (IMF) meta qal li kważi nofs il-pajjiżi tal-UE għandhom xi skema jew oħra li permezz tagħha tingħata ċittadinanza b’investiment.

Huwa qal li li mhux immorali li wieħed jippremja lil min jemmen fil-pajjiż u jinvesti fih. Scicluna qal li madanakollu s-suċċess fil-qasam finanzjarju ma kienx limitat għall-iskema tal-IIP għax il-Gvern kabbar id-dħul kurrenti li fl-ewwel 11–il xahar tas-sena l-oħra laħħaq €421 miljun.

Huwa qal li l-kranijiet li qed ifaqqsu qishom faqqiegħ fil-pajjiż huma sinjal tas-suċċess tal-pajjiż għax il-qasam tal-akkomodazzjoni mhux qed ilaħħaq mad-domanda li hawn bħalissa. Scicluna qal li skont indikazzjoni tal-Bank Ċentrali, għall-ewwel darba fl-aħħar snin, iż-żieda għall-kirjiet f’Malta naqset.