Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Arrestat is-sid tal-Bank Pilatus; Jista’ jeħel sa 125 sena ħabs

21/03/18 01:18 AM

Is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.

Sid il-bank Malti, li huwa Iranjan ta’ 38 sena ġie arrestat f’Virginia b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.

B’dawn l-akkużi, il-Qorti Amerikana ta' Manhattan qed tgħid li jista’ jeħel sa 125 sena ħabs.

Il-prosekuturi qalu li l-Iranjan waqqaf kumpaniji li servew bħala front għal tranżazzjonijiet minn banek internazzjonali biex jaħbi l-ftehim fil-moħbi li sar ma' kumpaniji Iranjani mill-Veneżwela. Jirriżulta li t-tranżazzjonijiet finanzjarji saru bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013.

Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li l-avukat tiegħu ma kienx disponibbli għal kumment.

Dokumentazzjoni tal-MFSA, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, juru li l-Bank Pilatus applika għal-liċenzja fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ngħata liċenzja xi erba’ ġimgħat wara, jiġifieri fit-3 ta’ Jannar 2014.

Nies qrib l-industrija kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li dan huwa żmien rekord, aktar u aktar meta tqis “il-kwalifiki” ta’ min applika.

Sa xahrejn ilu, grupp ta' 22 Membru Parlamentari Ewropew kienu kitbu liċ-Ċerpersin tal-Awtorità Bankarja Ewropea fejn qalu li l-Bank Pilatus qed jimmina s-settur finanzjarju Ewropew.

Il-Bank Pilatus issemma f’diversi rapporti tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern li tinvestiga l-ħasil ta’ flus, b’konnessjoni ma’ akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus qabel l-elezzjoni. Kien irriżulta li l-Bank Pilatus qed iservi lil diversi politiċi mill-Ażerbajġan, wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti, lil Keith Schembri, ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru u lil Brian Tonna ta’ Nexia BT.