Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Il-ħallelin tal-mafkar ta’ Daphne huma viċin l-OPM” - Aquilina

Charmaine  Attard   -  23/03/18 12:27 PM

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li jista’ jikkonferma li l-persuni involuti fis-serq ta’ xemgħat, fjuri u oġġetti oħra mill-‘mafkar’ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir, huma persuni viċin ħafna tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fuq Facebook,  Aquilina rrimarka li l-Pulizija jafu eżatt min huma dawn il-persuni.

Ilbieraħ, id-Deputat tal-Oppożizzjoni għamel rapport mal-Pulizija u talab lill-Kummissarju Lawrence Cutajar u lill-Pulizija tal-Belt biex jinvestigaw u jieħdu passi. 

Intant għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija kkonfermat li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan l-allegat serq mill-mafkar li jinsab quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta.

Dan fi tweġibiet għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt jekk dan jitqiesx bħala reat u jekk intalabx l-aċċess għall-kameras tas-sigurtà fl-inħawi.

Il-Pulizija ma weġbitx jekk ġewx identifikati l-persuni.

Is-saga dwar il-mafkar ta' Daphne ilha għaddejja xhur, bil-fjuri, xemgħat u ritratti tagħha, jitpoġġew u jerġgħu jitneħħew.