Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Wara l-għagħa f’Monte Karmeli, tasal il-paga

Christoph  Schwaiger  -  23/03/18 02:48 PM

Tkompli s-saga ta’ inċertezza fost il-ħaddiema tal-Isptar Monte Karmeli hekk kif il-paga reġgħet ma daħlitx fil-ġurnata mwiegħda lilhom, skont il-Ministeru għas-Saħħa nhar it-Tnejn li għadda.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li huma tħallsu biss wara li qam għagħa fl-Isptar nhar l-Erbgħa li għadda, b’għadd ta’ ħaddiema bdew jheddu li se joħorġu fuq strajk.

Ħaddiema fl-Isptar li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kien hemm konfużjoni sħiħa quddiem l-uffiċju tal-Kap Eżekuttiv tal-isptar peress li madwar 150 ħaddiem ta’ kuntrattur partikolari ma kinux se jitħallsu.

Jidher li l-ħaddiema li ġew affetwati jinkludu l-iskrivani, dawk tal-manutenzjoni, receptionists, u tal-imħażen.

Il-Kap Eżekuttiv ma jkellimx lill-ħaddiema

Il-ħaddiema spjegaw li wara li saru jafu li reġgħu ma kinux se jitħallsu ngħaqdu kollha flimkien u ddeċidew li jieqfu jaħdmu sakemm toħroġ il-paga. Qalu li nġabru quddiem l-uffiċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Stephen Sultana biex jagħtihom spjegazzjoni. Qalu li rrifjuta li jkellem lill-ħaddiema.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt ma’ Sultana, iżda din il-kamra tal-aħbarijiet għadha bla risposta. Assistenta ta’ Sultana qalet li l-midja għandha tibgħat il-mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa.

Għaldaqstant, Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet dwar il-każ lill-Ministeru.

“Ma naħsibx li għamlu din il-lista biex jagħtuna xi biċċa kejk”

Il-ħaddiema spjegaw ukoll li meta ddeċidew li jieqfu jaħdmu, il-kapijiet tagħhom intalbu jieħdu nota ta’ kull min kien wieqaf. Mistoqsija dwar jekk dan sarx biex tittieħed azzjoni fil-konfront tagħhom, wieħed mill-ħaddiema qal ma’ Newsbook.com.mt “ma nafx...imma ma naħsibx li għamlu din il-lista biex jagħtuna xi biċċa kejk.”

Intant fi stqarrija maħruġa llum, il-Ministeru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bħalissa għaddej “xogħol kbir” fil-qasam tas-saħħa mentali f’erba’ binarji differenti. Dawn jinkludu ristrutturar tal-isptar Monte Carmeli, organizzazzjoni mill-ġdid ta’ kull sala f’dan l-isptar, sptar akut għall-mard mentali, Strateġija Nazzjonali għas-Saħħa għall-2020-2030 u tisħiħ fis-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità.