Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Tesco taqbeż il-biljun fi profitti

13/04/18 09:17 AM

Il-profitt qabel it-taxxa tal-kumpanija li tmexxi l-katina ta’ supermarkets Tesco żdiedu għal aktar minn biljun sterlina matul is-sena finanzjarja li għaddiet. Dan wara żieda ta’ 2.2% fil-bejgħ fir-Renju Unit, bl-akbar żieda tkun fis-settur ta’ prodotti friski.

Dan ir-riżultat b’saħħtu jirrifletti l-quċċata tar-riformi introdotti mill-Kap Eżekuttiv Dave Tesco li ssieħeb mal-kumpanija f’Settembru 2014, fejn kien ingħata r-responsabbiltà li jdawwar l-prestazzjoni tal-grupp li dak iż-żmien kien dan ħa daqqa ta’ ħarta qawwija wara skandlu dwar ir-riżultati finanzjarji u l-accounting tal-kumpanija kif ukoll iż-żieda tal-popolarità tas-supermarkets li jbiegħu b’mudell ta’ prezzijiet irħas bħal Lidl u Aldi, it-tnejn Ġermaniżi. Fi proċess qawwi ta’ ristrutturar, il-kumpanija kienet keċċiet mijiet ta’ ħaddiema u naqset il-prezzijiet.

Is-sena li għaddiet Tesco kienet irreġistrat inqas minn 150 miljun sterlina fi profitt wara li spejjeż ta’ darba ħallew impatt sostanzjali fuq ir-riżultat.  Din is-sena, il-marġini ta’ profitt tal-kumpanija tela’ għal 3%. Fil-ġimgħat li għaddew, il-grupp akkwista wkoll l-kumpanija ta’ bejgħ bl-ingrossa Booker għal 3.7 biljun sterlina.

Tesco se tħallas 5 pence kull sehem din is-sena, u l-ewwel darba li ħallset imgħax fl-aħħar tas-sena għal dawn l-aħħar ħames snin.

Mal-ħruġ ta’ dawn ir-riżultati finanzjarji, l-ishma ta’ Tesco telgħu b’5% għal 221.6p, l-għola livell f’dawn l-aħħar 3 snin.

L-IMF ottimista fuq it-tkabbir iżda twissi mill-protezzjoniżmu


Il-Fond Monetarju Internazzjonali huwa ottimist fuq il-futur immedjat tat-tkabbir ekonomiku globali, iżda wissa’ dwar “sħab iswed” li ġej mit-tmiem tal-istimulu fisklai u ż-żieda fir-rati tal-imgħax. Meta kienet qed titkellem f’Hong Kong, Christine Lagarde, Direttur Maniġerjali tal-Fond, qalet li biex jiġu evitati problemi fil-futur kien hemm ħtieġa li jsiru tliet affarijiet: li jiġi evitat il-protezzjoniżmu, li jissaħħaħ il-ħarsien tas-sistema finanzjarja u jitkattar it-tkabbir fuq medda itwal ta’ żmien.

Dan il-messaġġ intqal fl-isfond ta’ tensjoni kummerċjali li kull ma jmur qed tikber bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti  tal-Amerikali qed toħloq inċertezza kbira għan-negozju u l-ktajjeb ta’ provvista globali. Lagarde insistiet kif l-istorja politika u ekonomika turi li r-restrizzjonijiet huma ta’ ħsara għal kulħadd, b’mod partikolari għall-ifqar konsumaturi. Dan għaliex il-protezzjoniżmu jfisser prodotti aktar għalja u għażliet iktar limitati, barra milli jillimita l-produttività u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda.

Il-Fond qal li fl-2018 u l-2019 l-ekonomija se tkompli tikber b’rata tajba, iżda r-rata se tkun inqas mħaġġla minħabba l-kundizzjonijiet finanzjarji. Iżda filwaqt li l-ekonomija għadhom qed jipprovdu ċifri pożittivi, mhux l-istess jista’ jingħad għad-dejn, li issa laħaq livell rekord ta’ 164 triljun, 40% aktar mill-2007. Iċ-Ċina hija responsabbli għal nofs din iż-żieda.

Lagarde saħqet ukoll fuq l-importanza li tkompli tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni tas-sistema finanzjarja, b’mod partikolari fis-settur bankarju, speċjalment f’pajjiżi emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja. Dan jaffettwa wkoll is-settur tal-propretà li ta’ spiss jimxi id f’id ma’ dak finanzjarju. F’dan is-sens, hija appellat lill-Gvernijiet biex isaħħu l-qagħda finanzjarji ta’ pajjiżhom permezz ta’ proċess gradwarli iżda definit.

Tkompli titbaxxa l-Lira Torka


Il-Lira Torka, waħda mill-muniti bl-aktar prestazzjoni negattiva fost swieq emerġenti, niżlet għall-aktar livelli baxxi fil-konfront tal-muniti ewlenin.

Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava hekk kif l-Istat Uniti heddet b’intervent militari fuq is-Sirja. Ir-Russja, alleat importanti tas-Sirja, hija msieħeb kummerċjali ewlieni tat-Turkija.

Skont l-investituri, parti kbira mill-problemi huma madankollu interni, b’mod partikolari r-rwol tal-President Erodgan fuq il-politika monetarja. Huwa jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “għadu tar-rati tal-imgħax” u spiss isejjaħ lill-Bank Ċentrali biex ibaxxi r-rati biex jissaħħaħ it-tkabbir. Dan minkejja li t-Turkija għandha rata ta’ għoli tal-ħajja li bħalissa teċċedi l-10%.

Is-sitwazzjoni bħalissa hi tali li Erdogan qed jimbotta biex ir-rati jitbaxxew bl-għan li tikber l-ekonomija għaliex ftit wisq jista’ jagħmel bil-baġit tal-pajjiż, b’livell ta’ dejn li jlaħħaq livell ta’ aktar minn 4.1 biljun, żieda ta’ 60% f’sena waħda biss. Iżda min-naħa l-oħra, jekk il-Bank Ċentrali jsegwi t-talba tal-President, se tkun meqjusa bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-kredibilità tal-istess Bank, xi ħaġa li tista’ twassal għal tnaqqis fil-credit rating.

Il-Lira tinsab fl-aktar livell baxx reġistrat ta’ 4.1550 fil-konfront tad-dollaru, tnaqqis ta’ kważi 9% f’sena waħda. Anke fil-konfront tal-ewro tinsab fl-aktar livell baxx, dak ta’ 5.1435.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment