Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Il-ġustizzja u l-verità mhux faċli jekk ikun hemm xibka ta’ korruzzjoni”

Sylvana Debono  -  16/04/18 07:35 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-quddiesa hija talba ta’ dawk li għandhom fiduċja li għad tirrenja ġustizzja akbar minn dik tal-bnedmin.

Fl-Omelija tal-quddiesa li saret f’għeluq is-sitt xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Arċisqof saħaq li t-tfittxija għall-ġustizzja u l-verità mhumiex faċli meta jkun hemm xibka ta’ korruzzjoni fejn huwa aktar komdu li wieħed jirkeb il-karru tar-rebbieħa.

Mons. Scicluna qal li Ġesù jħares lejn il-kunċett ta’ Saltna minn perspettiva kompletament differenti minn dik tal-bnedmin. Huwa qal li għalkemm għal Kristu l-ħidma tas-soċjetà ċivili hija importanti, din mhux biżżejjed.

 “Li tfittex biss il-progress materjali huwa short term u mhux risposta adegwata għall-ġuħ u l-għatx veru tal-umanità”, qal Mons. Scicluna.

L-Arċisqof wissa li huwa dmir li dawk ta’ rieda tajba jkomplu jissieltu għall-ġustizzja għal min safa vittma ta’ dawk li ma jridux li tinstema’ l-verità.

Mons. Scicluna kkwota l-aħħar dokument tal-Papa Franġisku li jgħid li, “Ir-realtà turina kemm hu ħafif li nsibu ruħna fi xbieki tal-korruzzjoni, li nsiru parti minn dik il-politika ta’ kuljum ta’ ‘nagħti biex jagħtuni’, fejn kollox hu kummerċ. U kemm nies ibatu minħabba l-inġustizzji? Kemm hemm li josservaw bla ma jistgħu jagħmlu xejn, kif l-oħrajn, wieħed wara l-ieħor,  jaqsmu bejniethom il-kejk tal-ħajja”.  

L-Arċisqof irrefera fit-tul għal din l-Eżortazzjoni, li fiha l-Papa jiddeskrivi il-beatitudnijiet bħala kontrovalur, għax imorru kontra l-valuri li teżalta d-dinja.

L-Arċisqof ikkwota lill-Papa Franġisku jgħid li llum jew għada l-ġustizzja tasal għal kulhadd u huwa dmir li wieħed jissielet għaliha minkejja l-persekuzzjoni. 

Mons. Scicluna stqarr li l-persekuzzjoni tista’ tkun vjolenti imma tista’ wkoll tkun sottili b’tgħajjir u żeblieħ. Huwa wissa li soċjetà maqbuda f’għanqbuta ta’ forzi soċjali tista’ ma tħallix il-ġustizzja tiffjorixxi.