Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Daphne Caruana Galizia kienet l-aqwa ġurnalista investigattiva f'Malta"

Matthew Borg  -  16/04/18 07:25 PM

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qal li Daphne Caruana Galizia kienet l-aqwa ġurnalista investigattiv f’Malta.

Din l-asserzjoni qalha waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu li sar illum, proprju f’għeuq is-sitt xahar mill-qtil tagħha. Il-laqgħa kienet tittratta l-vjolenza li jsofru ġurnalisti investigattivi, dan kollu għax ikunu nisa.

Zammit Dimech enfasizza l-importanza li kull tip ta’ sterjotip fil-qasam tal-midja jiġi affaċċjat u megħlub, u fiehem kif kulħadd għandu jħabrek biex f’dax-xogħol ikun hemm ugwaljanza tal-ġeneru.

Fakkar ukoll li Caruana Galizia kemm-il darba tkellmet dwar din l-ugwalanza, anki relatata mal-ambjent tax-xogħol.

L-Ewroparlamentari ta eżempji ta’ vjolenza li, skontu, saret fuq il-ġurnalista maqtula, fosthom dawk li ddeskriva bħala “attakki sistematiċi mill-Gvern”, bħal meta tpenġiet bħala saħħara, jew bl-azzjonijiet finanzjarji kontriha.

Temm jgħid li xogħol il-ġurnalista tant kien tajjeb li issa 45 ġurnalist investigattiv minn 18-il kamra tal-aħbarijiet iddeċidew li jkomplu bl-istejjer tagħha.

Francis Zammit Dimech hu membru tal-Kumitat risponsabbli mill-midja, u kien rapporteur tal-Partit Poplari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu fl-Ewropa.