Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Dwar is-Sirja rridu nikkomunikaw, mhux infixklu l-komunikazzjoni"

16/04/18 08:47 PM

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, enfasizza li kif inhuma l-affarijiet fis-Sirja, huwa importanti ħafna li jkun hemm il-komunikazzjoni bejn il-pajjiżi, u mhux it-tfixkil tagħha.

Dawn il-kummenti għaddiehom fl-intervent tiegħu fi tmiem laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE fil-Lussemburgu, fejn ukoll irrimarka li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu mid-djalogu li jista’ jwassal għal soluzzjoni politika għas-Sirja mhux biss fil-livell internazzjonali iżda wkoll fil-livell lokali fis-Sirja nnifisha.

“Ma nistax ħlief intenni l-pożizzjoni li Malta ilha ħafna tħaddan, li ma jistax ikun hemm soluzzjoni oħra ħlief dik politika”, saħaq il-Ministru, meta qal li f’dan il-każ ikun tajjeb li tinstab soluzzjoni megħjuna min-Nazzjonijiet Magħquda skont ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-Komunikat ta’ Ġinevra tal-2012.

Tlitt ijiem ilu l-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit ddeċidew li jitfgħu missili fuq is-Sirja, minkejja twissijiet mir-Russja biex dan ma jsirx.

L-Istati Uniti u l-alleati tagħha ġġustifikaw dan l-attakk bħala risposta għal dak li ġara fil-belt ta’ Douma fis-Sirja l-ġimgħa l-oħra, meta allegatament seħħ attakk kimiku fuq in-nies

Filwaqt li kkundanna bl-aħrax l-użu tal-armi kimiċi, il-Ministru Abela saħaq li l-UE għandha rwol importanti fil-konfront tal-gwerra ċivili Sirjana. Qal li jistenna b’ħerqa t-Tieni Konferenza ta’ Brussell dwar is-Sirja li se ssir il-ġimgħa d-dieħla b’kopresidenza tal-UE u tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-ministri ddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi wara l-attakk b’aġent nervin f’Salisbury, fir-Renju Unit. Huma komplew ma’ fejn kien ħalla l-Kunsill Ewropew f’Marzu, inkuż fuq l-espulsjoni ta’ diplomatiċi Russi minn għadd ta’ pajjiżi kemm fl-UE kif ukoll terzi.

F’dan il-kuntest, il-ministri ddiskutew it-tkomplija tat-twettiq tal-ħames prinċipji gwida dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li ntlaħaq qbil dwarhom f’Marzu tal-2016. Punt ieħor fuq l-aġenda kienet is-sitwazzjoni fl-Iran, inkluż il-ftehim dwar in-nukleari.

Hawn taħt tista’ taqra l-konklużjonijiet misluta minn dil-laqgħa, fost l-oħrajn li l-UE qablet mal-attakk tal-Istati Uniti u l-alleati tlitt ijiem ilu.