Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-GWU u l-UĦM jiftehmu dwar l-MCCAA

Matthew Borg  -  16/04/18 07:36 PM

Il-General Workers’ Union (GWU) u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers (UĦM) laħqu ftehim ġdid mal-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).

Il-ftehim kollettiv se jkopri erba’ snin u se jibni fuq dak ta’ qablu. L-impjegati se jibbenefikaw minn titjib fost l-oħrajn fis-salarji, opportunitajiet għal progressjoni fil-karriera, miżuri favur il-familja u flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol, ilkoll imtejba għas-saħħa fiżika u mentali tal-impjegati.

Fi stqarrija konġunta tas-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-MCCAA ntqal li l-pakketti tas-salarji se jippremjaw l-impjegati li jagħtu sehemhom f’din l-entità u se jippermettu biex l-Awtorità tilqa’ impjegati ġodda u tkompli ttejjeb is-servizzi li toffri lill-pubbliku.

Iċ-Ċerpersin tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto, irringrazzjat lill-partijiet kollha involuti tal-ħidma tagħhom lejn dan il-ftehim.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, enfasizza li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim juri l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ il-kundizzjonijet tal-ħaddiema għax huma kruċjali fil-viżjoni tal-Awtorità.

Ritratt: DOI - Jason Borg