Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Inkjesta tikkonkludi li kien żball li inkubatur b’9 embrijuni tpoġġa fuq standby

Mill-Parlament     -  16/04/18 08:16 PM

Żball uman wassal biex disa’ koppji tilfu l-embrijuni tagħhom wara li l-inkubatur li kienu fih fl-Isptar Mater Dei, spiċċa fuq standby mode għal 24 siegħa.

Dan ħareġ minn inkjesta indipendenti li kienet inħatret biex tinvestiga dan il-każ li seħħ fis-27 ta’ Jannar tal-2017.

Fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li eventwalment  wara li ġie aċċertat li l-embrijuni kienu għadhom vijabbli, tpoġġew fil-pazjenti rispettivi iżda ma rriżultat l-ebda tqala.

Il-Ministru qal li l-inkjesta aċċertat li l-qtugħ tad-dawl f’Mater Dei dakinhar tal-inċident ma ħalla l-ebda impatt fuq l-inkubatur.

Żied jgħid li l-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Alberto Magri għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Gvern implimenta, fosthom li ġiet installata access control system u CCTV li tiffoka fuq l-inkubatur.

Il-Ministru xejjen akkużi li saru mill-midja tal-Oppożizzjoni li l-Gvern ittardja l-pubblikazzjoni tal-inkjesta biex ma jitfax dawl ikrah fuq l-emendi l-ġodda li qed jiġu proposti għal-liġi tal-IVF.

Huwa qal li l-Gvern ħa ż-żmien tiegħu biex jiltaqa’ individwalment mal-koppji milquta u tarrfilhom ir-riżultati tal-inkjesta qabel ma jagħmilha pubblika.

Fearne spjega li dawn l-embrijuni ffriżati saru fis-saħħa tal-liġi eżistenti mhux dik proposta.

Stqarr li l-Gvern offra lill-koppji milquta t-tielet ċiklu tal-IVF bl-ispejjeż imħallsa mill-Gvern u tliet nisa minnhom ħarġu tqal.