Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: Unur internazzjonali lil Daphne kull ħmistax wara li nqatlet

16/04/18 10:49 AM

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia rċeviet unur f’isimha kull ħmistax-il ġurnata minn meta ġiet assassinata.

Mis-16 ta’ Ottubru sal-lum, Daphne rċeviet 11-il unur jew onorifiċenza oħra minn rivisti u gazzetti internazzjonali bħala għarfien tal-irwol li kellha fil-ġurnaliżmu investigattiv f’Malta.

L-unuri li fihom issemmiet Daphne jinqasmu f’żewġ kategoriji:

  1. dawk li jikkommemoraw ix-xogħol ġurnalistiku tagħha u li permezz ta’ isimha nħolqu kompetizzjonijiet għal ġurnalisti investigattivi oħra; u
  2. dawk li rċeviet u li ġew ippreżentati lill-qraba tagħha wara mewtha.

Fl-ewwel kategorija:

Il-Premju għall-Kuraġġ fil-Ġurnaliżmu: Premju mogħti f’isem Daphne Caruana Galzia mill-Istitut Legatum f’Londra li ġie mniedi fl-14 ta’ Novembru 2017, inqas minn xahar wara li nqatlet.

Il-Premju għall-Ġurnalisti, Whistleblowers u Difensuri tad-Dritt għall-Informazzjoni: Il-Partit GUE/NGL tal-Parlament Ewropew ħabbar li fid-29 ta’ Mejju li ġej se jkun qed jonora individwi jew gruppi li jkunu ġew intimidati u/jew ippersegwitati biex tinkixef il-verità u jesponuha lill-pubbliku. Ir-rebbieħ jingħata €5,000 għax-xogħol li jkun għamel.

Premju Daphne Caruana Galizia: Dan l-unur se jingħata fit-8 ta’ Ġunju li ġej minn Ronchi dei Legionari, l-assoċjazzjoni ta’ ġurnalisti Taljani Leali delle Notizie. Il-President tal-Parlament Ewropew kien kiteb lil din l-assoċjazzjoni fejn wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-assoċjazzjoni ddedikat premju f’isem Daphne “biex tfakkar fil-valuri fundamentali li l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuqhom: il-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali”.

Fit-tieni kategorija:

Holme Award li ġie ppreżentat f’Gothenburg, fl-Iżvezja f’Diċembru li għadda. Il-premju jingħata kull sena lil persuna li tkun, ħadet riskju personali ħafna, imqajjem f'azzjoni għal valuri ċivilizzati. L-organizzazzjoni Göteborgs Handels and Sjöfartstidning ġiet imwaqqfa fl-1832 u hija magħrufa l-aktar għall-promozzjoni tal-umanità, id-dinjità u l-ethos professjonali.

Deutscher Reporterpreis, premju għall-ġurnaliżmu investigattiv mogħti minn Reporter-Forum f’Berlin fil-Ġermanja. Fl-istess ċerimonja f’Berlin, il-preżentatur Claus Kleber, ħabbar li n-netwerk tal-ġurnalisti Ġermaniżi li jiffurmaw parti mir-Reporter-Forum se jibdew jiġbru l-fondi biex ikunu jistgħu jipproduċu filmat jew ktieb biex ifakkru lil Daphne u x-xogħol siewi li għamlet tul il-karriera tagħha.

Pegaso d’Argento, ippreżentat mill-Kunsill Reġjonali tat-Toscana fl-14 ta’ Diċembru li għadda. Dan il-premju huwa simbolu tar-reġjun Toskan u simbolu tal-libertà.

Premio Giornalisti mogħti mill-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti fit-Toskana fl-Italja.

Persuna tas-Sena tal-gazzetta Taljana La Repubblica, tħabbar f’editorjal ta’ Roberto Saviano fil-21 ta’ Diċembru fil-faċċata tal-istess gazzetta. Fl-editorjal, Saviano qal li Caruana Galizia ‘dejqet’ lil kulħadd, u li l-investigazzjonijiet tagħha ma kinux biss dwar persuna waħda iżda dwar sistema sħiħa. 

Il-Premju Nothing but the truth mill-Fondazzjoni Giuseppe Fava f’Katanja fi Sqallija. Mogħti kull sena fil-5 ta’ Jannar dan kien l-10 edizzjoni ta’ dan il-premju. Daphne kienet l-ewwel mara u l-ewwel persuna li mhux Taljana li rċeviet il-premju.

Premju Tully għal-Libertà tal-Kelma, il-premju ġie ppreżentat lill-qraba ta’ Daphne f’Università fl-Istati Uniti. Id-direttur ta’ Tully, Roy Gutterman, qal li se jkun unur għalihom li jgħaddu dan il-premju lill-familja Caruana Galizia, filwaqt li żied jgħid li l-istudenti taċ-ċentru jistgħu jitgħallmu ħafna mill-ġurnalista assassinata.

Premio Civitas, mogħti fit-12 ta’ April li għadda mill-assoċjazzjoni nazzjonali mhux partiġġjana Taljana ANDE, li tippromwovi l-attiviżmu ċivili, il-ġustizzja soċjali u l-edukazzjoni politika.

Barra minn dawn il-premji, fi Strasburgu, is-sala għall-konferenzi tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew ġiet imsemmija għal Daphne Caruana Galizia.

B’unur għal Daphne, saret ukoll laqgħa fl-uffiċini tal-Parlament Ewropew f’Malta dwar il-Premju Sakharov.