Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Valletta St Pauls ir-rebbieħa l-ġodda

16/04/18 04:33 PM

Valletta St Pauls huma ċ-champions il-ġodda tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lir-rivali eterni tagħhom Marsa St Michael bl-iskor ta’ 2-1.

Dawn tal-aħħar kellhom iċedu x-xettru ta’ champions li eventwalment għaddewh lit-tim mill-Kapitali li mmedjatament beda ċ-ċelebrazzjonijiet tiegħu hekk kif spiċċat il-partita.

Bħas-soltu meta jilagħbu dawn iż-żewġ timijiet tkun logħba bilanċjata, eċitanti u attraenti u dan kollu deher f’partita li setgħet marret f’kull naħa.

Kien suċċess kbir għas-St Pauls illi bnew skwadra ferm kompetittiva bil-kowċ Dassier Borg illi kellu elementi ta’ ċertu kalibru bit-tim ikun magħqud u fl-istess ħin b’saħħtu biżżejjed li jieħdu l-kampjonat proprju fil-logħba l-aktar importanti.

Valletta St Pauls kienu tajbin f’kull qasam matul dan l-istaġun b’mod partikolari fid-difiża u l-attakk hekk kif kienu l-iktar tim illi skorjaw gowls eżattament 29 u l-inqas li qalgħu iġifieri 4.

Iż-żewġ kowċis rispettivi Dassier Borg għal Valletta St Pauls u Malcolm Tirchett għal Marsa St Michael nedew pjan offensiv sabiex jattakkaw lil xulxin u l-logħba bdiet mal-ewwel b’intensita’ liema bħalha.

Għaddew seba’ minuti u l-Beltin marru fil-vantaġġ meta wara azzjoni ferm veloċi kien Uros Markovic illi sab lil Kane Psaila li mingħajr ma qagħad jaħsibha tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka sabiex għamilhom 1-0. Dan kien ir-raba’ gowl illi skorja l-attakkant Belti f’dan l-istaġun.

Marsa wettqu reazzjoni minnufih u wara żewġ azzjonijiet illi ma kellhom l-ebda eżitu, fis-16-il minuta ġabu l-iskor indaqs meta wara frikik mogħti ferm tajjeb kien Nikolai Filipov illi għola fuq kulħadd u xeħet il-ballun wara l-keeper Jianiro Camilleri.

Għal plejer Bulgaru dan kien it-tielet gowl staġjonali.

Iż-żewġ timijiet baqgħu jattakkaw iżda ħadd ma rnexxielu jinfed id-difiża avversarja sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-1.

Fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Dassier Borg ħareġ ferm motivat illi jikseb it-tliet punti u rnexxielu jagħmel dan proprju fil-61 minuta meta Denis Di Maio ta pass meqjus lil Anthony Ezechike illi fajjar xutt li għeleb lil Keith Brincat. B’hekk Ezechike skorja t-tieni gowl tiegħu f’dan il-kampjonat.

Marsa ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda d-difiża tas-St Pauls ikkontrollat il-logħba sal-aħħar sabiex mat-tisfira finali tar-referi huma setgħu jiċċelebraw it-tielet titlu tagħhom fl-istorja tal-klabb.

Eżatt wara s-segretarju tal-MAFA David Abdilla ippreżenta t-tazza tal-kampjonat lill-captain Leandro Camilleri illi għollieha ‘l fuq fost il-ferħ tal-plejers u diriġenti Beltin.

Riżultat finali: Valletta St Pauls 2 Marsa St Michael 1

Valletta St Pauls: Jianiro Camilleri, Justin Zammit, Leandro Camilleri, Julian Briffa, Christian Farrugia, Kane Psaila, Denis Di Maio, Karl Mifsud, Uros Markovic, Aleksandar Ribic, Jonathan Francica

Marsa St Michael: Keith Brincat, Mario Bajada, Brian Zammit, Mohammed Elamari, Dimitri Boyadhziev, Ricardo Severino, Nikolai Filipov, Armando Gjepali, Clive Pisani, Clint Sciberras

Referee: Joe Agius

F’logħba oħra li kellna minn dan il-kampjonat, Senglea Gunners kisbu t-tielet rebħa tagħhom staġjonali wara li mingħajr wisq diffikulta’ għelbu lit-tim tal-qiegħ Fleur de Lys CFK bl-iskor ta’ 3-1.

It-tim mill-Kottonera ddomina l-partita mill-bidu sal-aħħar bil-protagonista prinċipali ikun l-attakkant tagħhom Clint Ellul illi kien awtur ta’ hat-trick.

Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll illi Fleur de Lys ġew relegati għat-Tieni Diviżjoni meta kisbu biss punt minn tmien partiti.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, Senglea stabbilixxew vantaġġ ta’ 1-0 sabiex fit-tieni taqsima żiedu tnejn oħra, bi Fleur de Lys illi skorjaw il-gowl tal-bandiera.

Clint Ellul skorja tliet gowls li waslu fl-14, 39 u 59 minuta sabiex Jeremy Fleri Soler naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu.

Valletta Stars u Sta Lucia Falcons irtiraw mill-kompetizzjoni.

Ritratt: Warren Sammut