Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Jista' jissikket ġurnalist, imma oħrajn ikomplu xogħlu" - ġurnalista minn Proġett Daphne

Matthew Borg  -  17/04/18 08:26 AM

Waħda mill-ġurnalisti u kordinatriċi mill-Proġett Daphne qalet lill-midja internazzjonali li hu importanti ferm li jintbagħat il-messaġġ li meta jinqatel ġurnalist, oħrajn se jfeġġu biex dak li l-qattiela jippruvaw jaħbu jara aktar dawl.

Dawn kienu l-kummenti ta’ Anuska Delic, waħda mill-ġurnalisti minn madwar l-Ewropa mas-sit Euronews, li mil-lum se jkunu qed jippubblikaw u jkomplu l-istejjer li kienet qed tinvestiga l-ġurnalista Maltija, Daphne Caruana Galizia, qabel ma nqatlet b’bomba fil-karozza tagħha sitt xhur ilu, fis-16 t’Ottubru.

Saħqet li hu importanti li jintbagħat il-messaġġ li "tista' ssikket lil xi ħadd minna, imma oħrajn se jsegwu. Dak li qed tippruvaw taħbu ħa jiġbed aktar attenzjoni". 

Sostniet li l-messaġġ li jrid jitwassal b’din l-inizjattiva hu li l-ġurnalisti jinsabu magħqudin bejniethom, filwaqt li ddeskriviet din l-għaqda bħala l-unika mediċina kontra l-pjaga ġdida tal-vjolenza fiżika u l-qtil tal-ġurnalisti fl-Ewropa.

Bejn is-sena l-oħra u din is-sena, tliet ġurnalisti nqatlu, aktarx minħabba xogħolhom. Kim Wall, ġurnalist Żvediż instab mejjet f’daru f’Copenhagen f’Awwissu tal-2017, imbagħad Daphne Caruana Galizia f’Ottubru, u fi Frar ta’ din is-sena l-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak inqatel mal-għarusa tiegħu f’daru.

B’kollox hemm 45 ġurnalist jikkollaboraw fi Proġett Daphne, immexxi mill-organizzazzjoni Forbidden Stories, filwaqt li l-Proġett tar-Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) iffaċilita l-qsim tad-dokumenti u l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet.

Aktar tard illum jibdew ħerġin l-istejjer.

Ritratt: Ian Noel Pace