Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Iffriżar Embrijuni: Muscat jgħid li għandu mandat elettorali

Christoph  Schwaiger  -  22/04/18 11:25 AM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fakkar li l-Gvern għandu mandat elettorali biex jagħmel emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Dr Muscat kien qed jitkellem f’intervista fuq One Radio, dwar l-emendi proposti mill-Gvern dwar dan l-Att.

“Mhux sorpriż bir-reazzjonijiet dwar il-liġi tal-embrijuni”

Joseph Muscat qal li ma kienx sorpriż bir-reazzjonijiet li kien hemm dwar il-liġi tal-embrijuni. Fi kliemu din hi liġi importanti għal dawk li ma jistax ikollhom tfal u li qed ibatu fis-silenzju.

Stqarr li jemmen li l-abbozz ta’ liġi huwa wieħed b’saħħtu, jelimina d-diskriminazzjoni, u jtejjeb ir-riżultati. Qal li “waħda minn kull sitt familji Maltin għandha problema ta’ fertilità”.

Il-Mexxej Laburista qal li l-PL se jkompli jimxi ‘l quddiem b’konvinzjoni dwar din il-liġi.

Irrimarka li hemm nies ġenwini fuq iż-żewġ naħat tal-argument, iżda tenna li hu se jieħu l-pożizzjoni ta’ dawk li m’għandhomx tfal, u li dwar dan għandu l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari Laburista.

Illum fl-4pm fil-Belt Valletta se ssir manifestazzjoni favur il-ħajja bħala reazzjoni għall-emendi proposti mill-Gvern. Se jipparteċipaw fost l-oħrajn l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.