Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Iffriżar Embrijuni: Professuri b’talba lill-Gvern; illum il-mixja

Nicole  Borg  -  22/04/18 12:37 PM

Illum waranofsinhar se ssir il-manifestazzjoni favur il-ħajja fil-Belt Valletta li għaliha se jattendu fost l-oħrajn l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.

Il-manifestazzjoni tibda fl-4pm minn Kastilja u tibqa’ sejra sal-Parlament. 

Matul il-mixja, dawk preżenti se jintalbu jżommu bżieżaq bojod li jirrappreżentaw lill-embrijuni, filwaqt li qed jintalbu jieħdu magħhom żraben tat-trabi sabiex jirrappreżentaw it-trabi kollha li qatt mhu se jkunu mwielda. Dawn se jitħallew quddiem il-Parlament.

Din il-mixja qed issir bħala risposta għall-emendi proposti mill-Gvern dwar l-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijuni. Il-proposti jinkludu li l-embrijuni se jiġu ffriżati jekk il-koppja tagħti l-kunsens għall-addozzjoni u li se ssir konsultazzjoni pubblika biex il-kiri tal-ġuf ma jibqax kontra l-liġi f’xi każijiet.

Intant, fuq il-ġurnali kienu bosta li leħħnu l-argumenti tagħhom dwar dawn l-emendi:

 “Assurda li ġenituri jintalbu jagħtu l-embrijun għall-addozzjoni” – Mark Anthony Falzon

Fost l-argumenti u l-mistoqsijiet li qanqal is-suġġett tal-iffriżar tal-embrijuni, il-Professur tas-Soċjoloġija Mark Anthony Falzon, fuq The Sunday Times, qal li waħda mill-aktar ħaġa assurda hi li ġenituri li ma jużawx it-tielet embrijun, jagħtuh għall-addozzjoni. Sostna li huwa ċar li dan qed isir bil-għan li titwaqqaf ir-retorika tal-orfanatrofji tal-embrijuni.

“Din il-liġi se tagħmel lit-tfal kommodità” – Nadia Delicata

Fuq l-istess ġurnal, il-lettur tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta Nadia Delicata insistiet li din il-liġi se tibdel lit-tfal f’kommodità, meta dawn suppost huma l-futur u l-investiment tas-soċjetà, speċjalment meta jidħol il-kiri tal-ġuf.

“Nitolbu lill-Gvern biex jiżen id-deċiżjonijiet tiegħu” - Professuri tal-Etika

Ittra ppubblikata mis-Sunday Times u ffirmata minn 11-il persuna, inklużi Professuri tal-Etika fl-Univesità ta’ Malta, sostnew li l-Gvern għandu bżonn jiżen id-deċiżjoni tiegħu u jieħu l-ħin kollu neċessarju sabiex jipproċessa kull tip ta’ informazzjoni li jgħaddu l-esperti fuq is-suġġett tal-iffriżar tal-embrijuni.

“Il-liġi tal-IVF qed tagħmel lill-embrijuni inviżibbli” – Dr Sandro Spiteri

Fuq il-gazzetta Sunday Times, Dr Sandro Spiteri mill-Università ta’ Malta sostna li din mhix deċiżjoni li koppja tista’ tieħu waħedha hekk kif hemm terza persuna involuta, it-tarbija.

Skontu, il-liġi li qed jipprova jgħaddi l-Gvern qed tipprova tagħmel lill-embrijuni inviżibbli, anke meta wieħed jikkunsidra li dawn huma wkoll bla vuċi.

“Liġi spjegata bħala xi ħaġa li mhix” – Fr Joe Borg

Min-naħa tiegħu, fl-istess gazzetta, Fr Joe Borg spjega li l-liġi qed tiġi spjegata mill-Gvern u persuni oħra bħala xi ħaġa li mhix. Jgħid li filwaqt li qed jingħad li din se tagħti opportunità lill-koppji infertili sabiex ikollhom it-tfal, dan is-servizz ilu offrut fl-Isptar Mater Dei għal numru ta’ snin.

Sostna li l-liġi li qed jipprova jdaħħal il-Gvern hija li koppja tkun tista’ tiffertilizza aktar bajd minn kemm jistgħu jiġu impjantati fil-mara u tiffriża ż-żejda. Pass li nsista li joħloq problemi etiċi u psikoloġiċi.

“Qed tinxtered informazzjoni skorretta” – Editur, Torċa

Fl-editorjal tat-Torċa, Victor Vella qal li l-informazzjoni li qed tinxtered dwar l-emendi fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni hi skorretta. Fi kliemu dawk li ma jaqblux qed jinsulentaw koppji li jixtiequ t-tfal iżda ma jistax ikollhom.

Sostna li hemm bżonn li “jippruvaw jidħlu fiż-żarbun ta’ dawn il-koppji li verament jifhmu din ir-realtà iebsa”.

“Se noħolqu orfni ġodda” – Fr Nicholas Doublet

Fuq it-Torċa wkoll ġiet ippubblikata l-omelija ta’ Fr Nicholas Doublet, mill-Appostolat ta’ San Pawl f’Malta, li saħaq li f’każ ta’ kiri tal-ġuf, speċjalment fejn jidħlu koppji tal-istess sess se jkunu qed jinħolqu orfni hekk kif il-mara li ġġorr it-tarbija fil-ġuf, jew ir-raġel li jagħti donazzjoni tal-isperma se jibqa’ anonimu.